‘Jekk ma rridux nibgħatu lill-uliedna l-iskola, għandna kull dritt nagħmlu dan’

Melissa Bugeja mill-Malta Home Education Association tinsisti li huwa dritt tal-ġenitur li jagħżel hu x’tip ta’ edukazzjoni jirċievu uliedhom

Melissa Bugeja mill-Malta Home Education Association tinsisti li huwa dritt tal-ġenitur li jagħżel hu x’tip ta’ edukazzjoni jirċievu uliedhom. Waqt li ssostni li l-istat għandu jipprovdi strutturi għall-edukazzjoni, għandhom ikunu l-ġenituri li jagħżlu kif jagħtu din l-edukazzjoni. “M’għandniex inkunu mġiegħla li nibgħatu lit-tfal l-iskola. Jekk aħna rridu li ma nibagħtuhomx, bil-liġi, id-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tgħid li aħna nistgħu nagħmlu dan. Issa kif qiegħda l-liġi hawn Malta, teknikament qiegħda tmur kontra din l-istess liġi,” issostni Bugeja.

Il-Malta Home Education Association twaqqfet f’Settembru tas-sena li għaddiet, minkejja li d-diskussjonijiet mal-Ministeru bdew ferm qabel b’mod informali.

Mal-ILLUM, Melissa Bugeja mill-Assoċjazzjoni qalet kif din l-għaqda tixtieq li tinħoloq entità uffiċjali biex jiġu mgħejuna dawk il-persuni li huma interessati fil-home schooling.

‘Hemm min iħossu skomdu bil-valuri mgħallma fl-iskola’

Imma kif taħdem eżatt din is-sistema? Bugeja tgħid li bażikament, “aħna nieħdu r-responsabbiltà tal-edukazzjoni ta’ uliedna f’idejna bħala ġenituri biex ngħallmu dawk is-suġġetti akkademiċi aħna.” 

Tgħid li hemm ħafna fatturi li wasslu lil dawn il-ġenituri jieħdu d-deċiżjoni li jikkampanjaw biex jgħallmu lil uliedhom f’darhom, u fost l-oħrajn tgħid li hemm min iħossu skomdu u jixtieq li lil uliedu jrabbihom b’metodi u valuri differenti minn dawk mgħallma fl-iskola. Issemmi wkoll kif għadd ta’ ġenituri li huma favur din is-sistema, jagħmlu dan għaliex huma favur iktar ħin fil-familja mat-tfal, jiġifieri ħin ta’ kwalità. Semmiet kif hemm ukoll ġenituri li jħossu li bil-metodi preżenti, it-tfal tagħhom qegħdin ibatu minħabba xi kundizzjoni li dawn ikollhom, u żżid tgħid li anke bl-LSAs, is-sistema ma taħdimx għall-bżonnijiet individwali tal-istudent.

‘Il-breaks ġewwa jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem’

Tibda billi ssemmi kif normalment, l-iskola jużaw metodi punittivi fejn tidħol id-dixxiplina, li hi flimkien ma’ ġenituri oħra, ma jħossux li huwa l-mod ta’ kif u ssemmi l-‘copies’ u l-breaks ġewwa fost l-oħrajn, li żżid tgħid li dawn tal-aħħar, saħansitra jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem. “Dawn is-sistemi ma jgħinux lit-tfal, imma sempliċiment qed jgħidulhom biex tirribella mingħajr ma jaqbduk, jew inkella li eventwalment, se tpattihielhom.”

Dwar dan, allura Bugeja tiġi mistoqsija jekk ikunx aħjar li sempliċiment tiġi mtejba s-sistema edukattiva ta’ bħalissa. Għal dan, l-omm tgħid li waqt li l-Att dwar l-Edukazzjoni l-ġdid, mistenni jdaħħal numru ta’ bidliet, dan huwa xi ħaġa li fuq il-karta jidher mod, iżda mbagħad, fil-verità meta jiġi implimentat, ikun ħaġa oħra. “In-nies involuti fl-edukazzjoni huma ħafna, u l-modi kif huma mdorrijin li jwasslu l-edukazzjoni lit-tfal diffiċli ħafna biex jinbidlu. Dan huwa proċess li jirrikjedi s-snin sabiex jinbidel,” issostni Bugeja. Tinsisti li mhux qed tgħid li s-sistema edukattiva f’pajjiżna, iżda biss li, “hemm min iħoss li l-familja tiegħu jista’ jkollha ħafna aħjar minn hekk.”

‘It-tfal jispiċċaw jissoċjalizzaw biss fil-brejk’

Huwa fatt magħruf li meta t-tfal imorru l-iskola, dawn jitgħallmu għadd ta’ ħiliet oħra minbarra l-akkademika, u għaldaqstant, Bugeja, meta mistoqsija dwar dan, tgħid li l-edukazzjoni fid-dar ma jfissirx li se tkun qed issir kompletament fid-dar, iżda permezz ta’ diversi attivitajiet, it-tfal jitgħallmu ċerti ħiliet tal-ħajja, minbarra li jattendu għadd ta’ lezzjonijiet oħra, bħal żfin u sport. Iżżid tgħid kif, “fil-verità, huma biss dawk il-kwarta, għoxrin minuta tal-brejk li t-tfal ikunu qed jissoċjalizzaw flimkien meta jmorru l-iskola, għaliex il-kurrikulu huwa vast wisq sabiex l-għalliema jagħtuhom ċans biex jissoċjalizzaw.” Tilmenta wkoll dwar il-fatt li l-ħajja skolastika hija mimlija u impenjata wisq għall-istudenti u tiddeskriviha bħala ‘gas down’ minn ħaġa għall-oħra.

L-edukazzjoni fid-dar, tkompli tgħid Melissa Bugeja, mhix sempliċiment limitata għall-ewwel ftit snin tall-edukazzjoni formali, iżda tgħid li huwa f’idejn il-ġenituri li jiddeċiedu, u saħansitra jista’ jibqa’ għaddej fis-sekondarja. Minħabba li s-suġġetti jkomplu jiżdiedu u jsiru iktar diffiċli, tgħid kif jistgħu jiddaħħlu sistemi ta’ tagħlim maqsum bejn il-ġenituri, b’dawk li jkunu intiżi fuq suġġett, jagħtu dawn il-lezzjonijiet huma.

Bugeja kompliet tgħid li kien hemm għadd ta’ ġenituri li wrew interess f’din it-tip ta’ edukazzjoni, b’ammont sostanzjali, li jqarreb is-600 persuna li avviċinaw lill-Assoċjazzjoni sabiex jiksbu iktar informazzjoni.

Melissa Bugeja ttemm tgħid li bil-liġi l-ġdida dwar l-edukazzjoni li mistennijja tiddaħħal fiż-żmien li ġej, il-home schooling se jkun fil-fatt disponibbli għall-istudenti, biss jekk il-ġenituri jimpjegaw għalliema biex jipprovdi din l-edukazzjoni fid-dar.

More in Socjali