Filmat | Kaċċatur jeħel €5,000 għal kaċċa illegali
Filmat ta' BirdLife Malta jwassal biex kaċċatur jitressaq il-Qorti fuq qtil ta' tajra protetta waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa
minn Staff Reporter
Kaċċatur illum tressaq il-Qorti b’rabta ma’ każ ta’ kaċċa illegali li kien iffilmjat minn BirdLife Malta l-ġimgħa l-oħra, ġurnata qabel l-għeluq tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Nhar il-Ħamis 13 ta’ April filgħodu, staff ta’ BirdLife Malta osservaw kaċċatur jispara fuq Tellerita protetta. Il-kaċċatur deher jispara lejn l-għasfur, u aktar tard ġie ffilmjat jiġbor l-għasfur li qatel fl-Aħrax tal-Mellieħa. Ftit wara, l-istess kaċċatur kien iffilmjat ukoll jispara fuq Tellerita oħra tal-passa, imma ma laqathiex. Fuq il-post ġew imsejħa l-pulizija u wara li l-istaff ta’ BirdLife Malta indikawlhom il-post fejn seħħ il-każ, dawn sabu l-għasfur fejn kien moħbi u ġabruh. Il-kaċċatur laħaq ħarab mill-post.
Il-filmat ġie mgħoddi lit-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) tal- Pulizija u għen biex il-pulizija jidentifikaw lis-suspettat u jressquh il-Qorti. It- Tellerita kienet it-tlettax-il għasfur protett li ġie rkuprat tul dan l-istaġun tar- rebbiegħa wara li spiċċa fil-mira tal-kaċċa illegali. Dan l-għasfur hu klassifikat taħt l-Ewwel Skeda tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi u għalhekk igawdi mill-ogħla livell ta’ ħarsien mogħti mil-liġi. Il-kaċċatur weħel multa ta’ €5,000 u revoka permanenti tal-liċenzja tal-kaċċa kif ukoll kellu s- senter ikkonfiskat.
Sal-Ġimgħa 14 ta’ April f’nofsinhar meta għalaq uffiċjalment l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-2017, it-total ta’ tajr protett li hu magħruf li spiċċa fil-mira tal- kaċċa illegali kien żdied għal 15 (ara l-lista ta’ hawn taħt). Mill-aħħar stqarrija maħruġa minn BirdLife Malta l-ġimgħa l-oħra ’l hawn kienu rappurtati ħames każi oħra ta’ illegalitajiet. L-għasafar jinkludu żewġ Telleriti (waħda li nġabret minn membru tal-pubbliku f’Pembroke u l-oħra ta’ dan il-każ tal-kaċċatur fil-Mellieħa li ġie identifikat), Bagħdan Aħmar midrub li nstab minn grupp ta’ persuni li kienu waqt mixja f’Miġra l-Ferħa, Daqquqa tat-Toppu feruta li nġabret minn familja li kienet qed timxi fix-Xewkija Għawdex u Gamiema li nstabet qed tmut minn tim tal-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) f’Ħal Safi.
Il-Kap tal-Wild Birds Regulation Unit Sergei Golovkin, fi tmiem il-ġimgħa kien ikkwotat jgħid li l-istaġun ta’ din is-sena kien pjuttost fqir f’dak li għandu x’jaqsam mal-passa fir-rebbiegħa tant li nqatlu biss 130 Summiena. Jekk ma’ dan l-ammont iżżid il-15-il għasfur protett li nafu li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali, ifisser li b’ammissjoni tad-WBRU stess, 10% tal-għasafar kollha li nafu li ġew ikkaċċjati f’dan l-istaġun tar-rebbiegħa (15 minn total ta’ 145) kienu għasafar protetti.
Minkejja f’dan, sew Golovkin kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) Lino Farrugia insistew li l-istaġun ta’ din is-sena kien wieħed mill-aħjar staġuni fl-istorja f’termini ta’ numri ta’ illegalitajiet. Dan ma jistax ikun aktar ’il bogħod mill-verità. Prova ta’ dan hu l-fatt li waqt li l-Kap tad-WBRU saħanistra ddikjara li probabbilment inqas minn 1,000 kaċċatur ħadu sehem attiv fl-istaġun ta’ din is-sena, tul l-istess staġun inġabru 15-il tajra protetta feruta li ġew ċertifikati li kellhom ġrieħi kkawżati minn tir ta’ senter. B’inqas kaċċaturi fil-kampanja u iktar għasafar feruti illegalment wieħed ma jistax jiċħad li l-istaġun tar-rebbiegħa ta’ din is-sena ġab miegħu żieda fl-illegalitajiet li twaqqa’ l-argumenti ta’ min jiġġustifika l-ftuħ ta’ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta.
Tul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ta’ din is-sena, kienet permessa biss kaċċa fuq is-Summien minħabba l-moratorju li hemm fis-seħħ fuq il-kaċċa għall-Gamiem wara li l-Gamiema ġiet klassifikata bħala vulnerabbli fuq ir-Red List ta’ Speċi Taħt Theddida tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) fl- 2015. Għal din ir-raġuni l-iSpring Watch annwali ta’ BirdLife Malta din is-sena ma ħabtitx bħas-soltu mad-dati tal-istaġun tal-kaċċa minħabba li l-kamp se jkun qed jiffoka fuq il-passa tal-Gamiem. Għaldaqstant, il-kamp se jibda għada biex jaħbat mal-eqqel tal-passa tal-Gamiem.
Filip Wieckowski, li se jkun imexxi l-kamp, spjega li din is-sena 16-il voluntier internazzjonali se jingħaqdu mal-istaff ta’ BirdLife Malta u ma’ residenti lokali biex jiżguraw li kemm jista’ jkun Gamiem ipassi mingħajr problemi minn fuq Malta.
“Id-deċiżjoni riċenti li jiġi rivedut l-istatus tal-Gamiema turina ċar aktar minn qatt qabel li l-kaċċa fuq din l-ispeċi fir-rebbiegħa hija insostenibbli, irresponsabbli u ma tħarisx fit-tul. Nittama li nsibu koperazzjoni mill-awtoritajiet u mill-komunità tal- kaċċaturi biex inħarsu lil dawn l-għasafar li jkunu fi triqithom biex ibejtu aktar ’il fuq fl-Ewropa,” ikkummenta Wieckowsi.
Il-kamp ta’ din is-sena se jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ April u tul dan il-perjodu BirdLife Malta qed tappella għall-assistenza tal-pubbliku biex jirrapporta kull illegalità li josserva l-ewwel lill-pulizija fuq in-numru 119, imbagħad lil BirdLife Malta fuq 2134 7645/6 jew fuq in-numru tal-emerġenza 7925 5697 (barra l-ħinijiet tal-uffiċċju). Skont il-liġi li tirregola l-kaċċa fir-rebbiegħa, tul dan il-perjodu l-Korp tal-Pulizija hu obbligat li jkollu 20 uffiċjal fi kwalunkwe ħin jissorveljaw is- sitwazzjoni fil-kampanja.