L-industrija tar-ristoranti: bejn ottimiżmu, kawtela u tħassib

Is-sidien Għawdxin bl-aktar sentiment pożittiv...tat-Tramuntana u l-Belt l-inqas

Ir-ristoranti li jinstabu fil-gżira Għawdxija huma l-iktar li għandhom sentiment pożittiv fir-rigward tal-futur tal-ħidma tan-negozju tagħhom. Fil-fatt, 67% tar-ristoranti Għawdxin li ħadu sehem fi stħarriġ imħejji għall-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti wieġbu fil-pożittiv meta mistoqsija dwar il-prospetti tan-negozju tagħhom fil-futur.

Mill-istħarriġ li sar mill-kumpanija Deloitte dwar il-qasam tar-ristoranti f’Malta u Għawdex, irriżulta li 43% tat-53 parteċipant minn madwar il-pajjiż kellhom sentiment ġenerali pożittiv għall-futur, waqt li kienu kunfidenti li se jitkompla l-andament ta’ titjib li raw fl-aħħar snin.

Għall-mistoqsija dwar kif qegħdin jaraw li se jkun il-futur tagħhom, 55% wieġbu li qed jaraw li l-futur mistenni jkun ftit jew wisq fl-istess livelli li kien f’dan l-aħħar żmien. Kien hemm biss 2% tal-parteċipanti li qed jipprevedu li l-futur tan-negozju se jkun agħar minn dak li diġà għadda.

F’dan l-istħarriġ, it-53 ristorant parteċipant kienu maqsuma f’5 reġjuni distinti tal-pajjiż: Għawdex, il-Belt Valletta, in-Nofsinhar, it-Tramuntana bħal Buġibba u l-Qawra, u ż-żona kostali, jiġifieri l-inħawi ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan.

It-tipi ta’ ristoranti kienu jvarjaw fl-ispiża medja ta’ ikla, bi 8% ikunu ta’ bejn l-€10 u l-€15 waqt li dawk ta’ bejn il-€15-€20, €20-€30 u dawk ta’ iktar minn €30 kienu jammontaw bejn wieħed u ieħor 30% tal-parteċipanti.

 

In-nuqqas ta’ ħaddiema uġigħ ta’ ras għas-sidien

Mill-istħarriġ, irriżulta li minkejja li kienet reġistrata żieda marġinali fid-dħul, l-ispejjeż fir-rigward ta’ pagi raw żieda ikbar, u dan jista’ jkun minħabba diversi fatturi, fost l-oħrajn id-diffikultà tal-persuni tan-negozju li jsibu ħaddiema adattati għall-impjieg.

Fil-fatt, dan il-punt ta’ tħassib deher bi prominenza bħala wieħed mill-iktar oqsma li qed jinkwieta lil dawn ir-ristoranti, hekk kif l-ikbar problema msemmija kienet in-nuqqas ta’ ħaddiema, partikolarment kokijiet u waiters li huma kapaċi u kompetenti f’xogħolhom. Fl-istess waqt, il-kompetizzjoni li jridu jħabbtu wiċċhom magħha f’dan il-qasam, kienet l-anqas kwistjoni li inkwetat lill-parteċipanti. Dan minkejja li fil-preżentazzjoni ta’ dan l-istħarriġ intqal kif minkejja li l-ekonomija fil-fatt sejra tajba, u għandha andament pożittiv, bin-nefqa tal-pubbliku tkun qed tiżdied, ġie mwissi li meta l-ammont ta’ ristoranti, u stabbilimenti ta’ ikel jibqa’ jiżdied, l-effett pożittiv jispiċċa biex jinħass inqas hekk kif jitqassam bejn iktar stabbilimenti.

L-Għawdxin kienu l-iktar pożittivi u ottimisti fit-tweġibiet tagħhom, hekk kif 67% esprimew sentiment pożittiv għall-futur, u dan meta mqabbel mas-56% fin-Nofsinhar tal-pajjiż, 45% fiż-żona kostali, 33% fil-Belt Valletta, u l-inqas fin-naħa tat-Tramuntana tal-pajjiż b’ 25%.

Meta wieħed iħares lejn ix-xejriet fejn għandu x’jaqsam id-dħul, f’Għawdex ġie reġistrat titjib ta’ 5.1%, waqt li fil-Belt Valletta kien hemm titjib ta’ 3.8%, li jirrifletti tajjeb is-sentiment li ġie nnutat fir-rigward tal-ħwienet u negozji oħrajn. Iż-żoni tan-naħa ta’ isfel tal-pajjiż u dawk kostali, minkejja titjib li raw fl-infiq, il-prestazzjoni baqgħet prattikament fl-istess livelli li kienet fiż-żmien ta’ qabel. Dan filwaqt li 43% tkellmu dwar riżultati pożittivi tad-dħul, 32% riżultati prattikament kostanti waqt li 25% tkellmu dwar tnaqqis mis-snin ta’ qabel.

Ir-ristoranti parteċipanti rreġistraw 56% tal-klijenti tagħhom bħala Maltin waqt li kien hemm 44% minnhom li kienu turisti, filwaqt li fejn jidħlu ħaddiema, 65% kienu persuni Maltin, waqt li 35% huma barranin.

 

 ‘Inutli tinvesti fl-istabbiliment u malli toħroġ barra ssib diżastru’ Paul Bugeja, intraprenditur

Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ persuni involuti fis-settur tar-ristoranti u l-ospitalità sabiex tifhem aħjar is-sitwazzjoni u tieħu stampa iktar ċara tas-settur u l-andament tiegħu.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, l-intraprenditur minn San Pawl il-Baħar u Kunsillier tal-istess lokalità, Paul Bugeja saħaq li dik li għaddiet kienet, “l-aħjar sena li kellna, għaliex anke fix-xitwa bqajna għaddejjin.” Bugeja spjega li kuntrarju għas-snin ta’ qabel, l-istabbilimenti kienu kważi b’nuqqas ta’ impjegati u dan meta mqabbel ma’ snin preċedenti fejn Bugeja jgħid li saħansitra kienu jispiċċaw jitkeċċew in-nies minħabba n-nuqqas ta’ xogħol.

Minkejja dan, Bugeja jirrimarka li l-ikbar problema li qegħdin jaffaċjaw l-intraprendituri partikolarment dawk li jinsabu fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, primarjament dawk f’Buġibba, hija l-istat tal-infrastruttura.

Bugeja jisħaq fuq bżonn imminenti ta’ riġenerazzjoni fiż-żona, partikolarment l-infrastruttura eżistenti, biż-żona ilha ma tara proġett maġġuri fl-infrastruttura għal snin sħaħ, kif ukoll l-indafa u ż-żamma tal-post. “Inutli li tinvesti fl-istabbilimenti tiegħek, u r-ristoranti u l-lukandi tagħmilhom tal-ewwel klassi, biex imbagħad meta toħroġ ’il barra, issib diżastru,” saħaq Bugeja.

Dwar il-problemi li l-istħarriġ elenka bħala tal-ikbar tħassib, Bugeja qabel li huwa diffiċli biex wieħed isib il-ħaddiema, partikolarment dawk Maltin. Fil-fatt, jinsisti li l-ammont ta’ ħaddiema Maltin huwa limitat ħafna, u dawk li hemm, fil-fatt jispiċċaw billi wara li jakkwistaw biżżejjed esperjenza, jiftħu għal rashom.

Rigward il-kompetizzjoni li tippreżenta ruħha bl-ammont ta’ stabbilimenti li jiftħu f’żona waħda, li l-istħarriġ poġġieh bħala l-inqas problema, Bugeja jgħid li din mhix problema. Anzi, saħansitra jgħid li din hi importanti sabiex in-negozju jkun jista’ jkollu raġuni għalfejn dejjem itejjeb lilu nnifsu u jġiegħel lis-sid joffri servizz dejjem aħjar. “Il-kompetizzjoni hi pożittiva għaliex mingħajrha, in-negozju kapaċi jmur għat-telqa,” temm jgħid Bugeja.

 

‘Mingħajr ħaddiema barranin, lanqas ikollna biex naħdmu’ Philip Fenech, President Tourism, Hospitality & Leisure – GRTU 

Ma’ din il-gazzetta tkellem ukoll il-President tat-taqsima tat-Turiżmu u l-Ospitalità fi ħdan il-GRTU, Philip Fenech li sostna li fejn jidħol it-turiżmu, hu jara li l-industrija tista’ biss tmur ’il quddiem bis-saħħa tal-aċċessibbiltà li sar għandu l-pajjiż u jittama li din tkompli titjieb bir-ristrutturar tal-linja tal-ajru nazzjonali.

Fenech sostna li r-ristoranti f’żoni differenti tal-pajjiż kapaċi jesperjenzaw sentimenti differenti fi żminijiet differenti minħabba li wħud minnhom iktar jappellaw għal ċertu tip ta’ klijenti. Fil-fatt, isostni li ċertu ħwienet li huma iktar kummerċjali jkunu jappellaw għal iktar volum ta’ nies u għaldaqstant, l-aħjar żmien għalihom ikun fil-high seasons. Minkejja dan, Fenech ikompli jgħid li għall-kuntrarju ta’ dan, ħwienet li jkunu jinvestu aktar fi kwalità, kapaċi jkunu iktar popolari f’shoulder months.

Il-president fi ħdan il-GRTU insista li issa, is-settur privat għamel ħafna investiment min-naħa tiegħu, u issa li dan ġie rikonoxxut, jgħid li jrid isir l-istess fil-qasam tal-infrastruttura li hi meħtieġa, f’ċerti żoni b’mod speċjali. Jgħid ukoll li issa l-pass li jmiss huwa li l-prodott offrut ikompli jitjieb sabiex il-kwalità wkoll timxi ’l quddiem bid-dħul ukoll jikber.

Min-naħa l-oħra, lil hinn mit-turiżmu, Fenech jgħid li minħabba li l-ekonomija fil-pajjiż sejra tajjeb, il-Maltin ukoll qed jikkontribwixxu għaliex saru joħorġu iktar minħabba li għandhom iktar disposable income.

Rigward il-problemi u sfidi li jaffaċċjaw il-persuni fil-qasam, Philip Fenech jgħid li waħda mill-ikbar sfidi hi propju tat-traffiku u l-konġestjoni f’ċerti partijiet fil-pajjiż, partikolarment għall-dawk il-persuni u kumpaniji li jagħmlu d-deliveries lill-ħwienet. Għaldaqstant, jgħid li jeħtieġ ikun hemm maniġġjar aħjar tal-loġistika f’dan il-qasam.

Meta mistoqsi dwar it-tħassib prinċipali li ħareġ mill-istħarriġ, Fenech jgħid li verament hija problema reali ħafna dik tan-nuqqas ta’ ħaddiema kompetenti f’xogħolhom fis-settur tar-ristoranti. Jattribwixxi wkoll din il-problema għall-fatt li l-ITS mhix tipprovdi biżżejjed persuni għal dan is-settur, filwaqt li jżid jgħid li ħafna persuni qatt ma ħadu dan is-settur b’wisq serjetà. Fil-fatt, jgħid kif mingħajr il-ħaddiema barranin f’dan is-settur, “kieku ma jkunx hemm biex naħdmu.”

Philip Fenech jgħid ukoll li dwar il-kompetizzjoni, li kienet l-inqas tħassib fost dawk li wieġbu l-istħarriġ, din ma tħallix lok għal min mhux professjonali f’xogħlu. “M’għadux iż-żmien li m’għandekx minn fejn tagħżel, issa għandek varjetà enormi,” jsostni Fenech li jgħid li huma biss dawk li huma tajbin li jibqgħu, waqt li l-oħrajn jispiċċaw maż-żmien.

More in Socjali