Il-Ġimgħa tal-Festa | 'Il-festi Maltin għandhom jibqgħu dejjem tan-nies'

Il-kult, it-tradizzjoni, iż-żgħażagħ u għajnuna mill-istat għall-festi Maltin...Andrew Azzopardi jwieġeb

Il-festi mhumiex biss ċelebrazzjoni u opportunità ta’ ċelebrazzjoni, huma marbutin intrinsikament mal-kultura tal-Maltin, mal-istil ta’ ħajja ta’ dan il-poplu u allura xi ftit jew wisq jirriflettu dak li hu l-poplu. Min hu u x’inhuma dawk l-affarijiet li jagħtuh gost.

L-ILLUM intervistat lil Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà tas-Social Wellbeing u li jiffoka wkoll fuq it-tagħlin tal-Edukazzjoni u s-Soċjoloġija inklussiva, fost oħrajn. Miegħu pruvajna nifhmu aħjar x’inhuma l-festi u kif jirriflettu fuq il-poplu Malti.

Nibdew billi nistaqsu lil Azzopardi kif il-festi, l-element barokk, il-pompożità u dak li bl-Ingliż niddiskrevuh bħala, ‘Over the top’ tal-festi jirrifetti fuq il-Maltin.

Hu mill-ewwel jgħid illi dak li tirrifletti l-festa “tgħid ħafna fuq il-poplu. Turi li l-aspett tal-kult f’pajjiżna għadu importanti, l-aspett tal-kult f’termini ta’ ċerimonja, ta’ tradizzjoni u kważi, kważi ta’ superstizzjoni.” Azzopardi jinnota kif il-festi illum, għadhom jirriflettu s-simboliżmi tal-ħajja ta’ dejjem, tal-idea li ħajjitna mhux permanentament għal din id-dinja.

Meta tmur festa tħoss li qed tmur l-istess festa kull sena, tħoss bħal sens ta’ déjà vu. Il-mod kif issir il-purċissjoni, ir-ritwali marbutin magħha, in-nar, il-qaddis, il-banda...

“Jekk iddur ċerti villaġġi antiki,” ifakkar Azzopardi, “tara ikoni madwar it-toroq li jfakkru li ħajtek mhux fuq l-art imma lil hinn...qed nirreferi għan-niċeċ. Għad hemm din id-dinamika tal-kult. Imma apparti dan,” kompla Azzopardi, “hemm ukoll l-elementi tas-sens ta’ komunità, li tiltaqa’ man-nies u tissoċjalizza. Dan huwa sens qawwi u preżenti ħafna. Il-festi juru wkoll li l-Maltin huma poplu li jieħdu pjaċir jiċċelebraw, joħorġu. Għalhekk il-festa hija xi ftit jew wisq simbolu ta’ dak li nieħdu pjaċir nagħmlu.”

In-nostalġija tiltaqa’ mar-rinvenzjoni fil-festi

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-festi, bil-każini u l-armar iffurmawx ukoll il-gosti tal-Maltin f’dak li huwa apprezzat arkittetonikament, b’ġibda aktar lejn il-barokk u ’l bogħod minn dak kollu li huwa modern, Azzopardi jirrispondi fl-affermattiv. “Għalkemm jien m’iniex ikkwalifikat biex nitkellem dwar il-festi nħoss li iva, hemm nostalġija għall-imgħoddi fil-festi. Meta tmur festa tħoss li qed tmur l-istess festa kull sena, tħoss bħal sens ta’ déjà vu. Il-mod kif issir il-purċissjoni, ir-ritwali marbutin magħha, in-nar, il-qaddis, il-banda kif nafuha minn wara li kienu ġew l-Ingliżi pajjiżna, in-nies...dawn kollha baqgħu l-istess.”

Imma allura x’qed jgħid Azzopardi, li ż-żminijiet jinbidlu imma l-festi le. Ma dan ma jaqbilx u jinsisti li filwaqt li l-qafas tal-festi kien miżmum ġew rinvigorati u mġeddin b’attivitajiet, mużika, piroteknika sinkronizzata man-nar, il-parties, ix-xorb...kien hemm l-abbilità li fil-każ tal-festi jibqa’ l-qafas tat-tradizzjoni imma jaġġornaw fl-istess ħin.”  

L-impetu taż-żgħażagħ iċ-ċavetta għat-tkabbir

Nistaqsieh kif jispjega li ċerti festi huma meqjusin ‘kbar’ u oħrajn, speċjalment f’numru ta’ rħula kostali li mhumiex fil-port huma meqjusin iżgħar.

“se noqgħod fuq kliemek li huma iżgħar. Li naħseb huwa li fejn il-qalba tal-villaġġ/raħal baqa’ b’saħħtu l-festa baqgħet b’saħħitha. Naħseb li, inġenerali, il-festi kollha baqgħu pjuttost qawwijin imma fejn kellek l-impetu taż-żgħażagħ il-festi kibru.”

Żewġ tipi ta’ żgħażagħ parteċipi

Jingħad illi ħafna mill-avveniment tal-festa għaż-żgħażagħ tirriduċi lilha nnifisha għal droga, xorb u sess. Iħoss li vera dan, Azzopardi?  “Ifhem instab fi studju li sar li l-prostituzzjoni tiżdied waqt il-festi kif  tiżdied il-kriminalità, imma naturalment waqt festa għandek konġestjoni ħafna ikbar ta’ nies.

“Għandek żewġ tipi ta’ żgħażagħ li jipparteċipaw,” jibda jispjega Azzopardi, “min jipparteċipa fil-preparazzjoni tal-festa u oħrajn li jkunu parti mix-xorb, baned, l-antogoniżmu li jinħoloq meta int ‘kontra’ xi ħadd, il-kult li tkun parti minn każin u l-iżvilupp tal-identità. Dan jattira liż-żgħażagħ, kif jattira żgħażagħ Paceville, jew ċerti stabbilimenti. Jekk inti tmur ċerta parties qed tibni identità tiegħek innifsek, ta’ liema mużika tħobb tisma’, pereżempju u għaż-żgħażagħ dan huwa kollu importanti. Dejjem se jkunu parti minn attività li hija marbuta mal-kollettiv.”

Però, imbagħad fakkar Azzopardi hemm iż-żgħażagħ li jarmaw, li jaħdmu n-nar. “Dan fih innifsu, din l-adrenelina tagħtik il-gost li tipparteċipa,” kompla jgħid, filwaqt li jfakkar illi żgħażagħ membri ta’ għaqdiet kwalunkwe, festa jew le, jgħixu aħjar.

Inġenerali, il-festi kollha baqgħu pjuttost qawwijin imma fejn kellek l-impetu taż-żgħażagħ il-festi kibru

‘Mhux il-festa ġġenerat l-abbuż’

Azzopardi jerġa’ lura għall-abbuż tad-droga u xorb fil-festi u jisħaq li kuntrarjament għall-perċezzjoni partikolari, mhumiex il-festi li jiġġeneraw l-abbuż. “F’li tixrob m’hemm xejn ħażin, l-abbuż ħażin imma. Però mhix il-festa li tiġġenera dan. Huwa n-nuqqas ta’ inforzar, l-aċċess għas-sess, l-aċċess għax-xorb, nuqqas ta’ kontroll u s-sewwalizzazjoni ta’ kollox li qed jiġġenera dan. Dak il-ħażin, mhux il-festa,” temm jisħaq Azzopardi.

Il-festa kultura tat-tielet klassi...?

Nistaqqsih jekk iħossx li l-festa hija xi ħaġa ta’ klassi ta’ nies, mhux ta’ oħra bit-tweġiba tkun illi filwaqt li hu veru li l-festa ma tiswix lill-persuna ħafna flus, tneħħi d-distinzjoni ta’ klassi, b’mod komplet. “Id-differenzi soċjali qegħdin hemm, imma jidhru inqas. Għandek it-tabib, bħal Godfrey Farrugia li qed jaqbeż mal-marċ u jaħdem in-nar, bħal Marlene Farrugia. Għandek, kirrurgi li filli jkunu għaddejjin bl-operazzjonijiet u fil-ġimgħa tal-festa jingħaqdu fil-marċ. Għandek il-presidenti tal-każini, ħafna minnhom nutara u politiċi,” fakkar Azzopardi.

“Il-festa mhux il-klassi tagħmilha differenti imma l-miġemgħa marbuta mal-karatteristika tar-raħal partikolari.”

Inħallu l-festi jiżviluppaw waħedhom

Intant ladarba ssemmew Godfrey u Marlene Farrugia, infakkru kif il-ġurnata ta’ qabel dawn għamlu proposta fil-Parlament biex l-istat jibda jgħin lill-għaqdiet u l-festi, fid-dawl ta’ spejjeż li qegħdin dejjem jogħlew. Azzopardi jaqbel? Wara kollox il-Gvern diġà jagħti fondi lil numru kbir ta’ Għaqdiet mhux Governattivi (NGOs).

“Li jkollok għajununa iva. Imma rridu noqogħdu attenti. Xi NGOs ġew dipendenti fuq l-għajnuna tal-Gvern.” Azzopardi reġa’ ċċara, li jingħataw rifużjonijiet u jsiru skemi, kollox sew. Imma mhux flus diretti għax inkella l-festi jibdew jiżviluppaw skont l-esiġenzi ta’ min qed jagħti l-fondi.

Azzopardi jtemm billi jfakkar kif il-poplu jagħti ħafna fil-ġabriet li jsiru u li l-festi hekk għandhom jibqgħu, sostnuti min-nies biex jibqgħu tan-nies. “Importanti li l-festi jibqgħu tan-nies, sostnuti mill-poplu, mingħajr kontrolli ta’ min qed jagħti fondi.” 

More in Socjali