Il-Ġimgħa tal-Festa | Mill-bieb tal-knisja 'l ġewwa
Kont taf li...? Ħarsa lejn ftit mit-tiżjin, kant u oġġetti li jżejnu l-knejjes fil-ġimgħa tal-festa...l-Illum.com.mt tistaqsi lil Mark Micallef Perconte
minn Albert Gauci Cunningham
Mhux biss parti importanti, imma l-aktar parti kruċjali tal-festa hija ċ-ċerimonja li sseħħ fil-knejjes Maltin. Fil-festi Maltin, il-Knejjes, Bażiliki u l-Kolleġġjati jilbsu libsa mill-isbaħ biex jagħtu l-akbar unur lill-qaddis li tiegħu tkun qed tiġi ċċelebrata din il-festa. Il-Knejjes Maltin, tipikament barokki, mżejnin f’kull glorja b’oġġetti ta’ valur monetarju imma anke storiku, huma l-epiċentru tal-attivitajiet tal-festa u matul din il-ġimgħa jimtlew sa ruħ ommhom b’mijiet ta’parruċċani li jmorru biex jitolbu, jammiraw l-artistrija fit-tempju jew inkella biex iġeddu memorji ta’ tfulithom.
Iżda qed nifhmu x’inhu dak li qed naraw fit-tempji tagħna? Qed nifhmu x’qed inkantaw f’dawk il-konċelebrazzjonijiet kantati li jagħtu ġieħ lill-Patrun/a? Għalfejn id-damask? Għalfejn il-paniġierku? U l-Fratelli, xi skop għandhom?
L-ILLUM tistaqsi lil Mark Micallef Perconte, dilettant kbir tal-Festi Maltin u l-moħħ wara l-Enċiklopedija ‘Ilwien il-Festi Maltin’ li jiddokumenta l-aspetti diversi tal-festi, 10 mistoqsijiet bażiċi. Għaxar mistoqsijiet li forsi dak li jkun jistaqsi meta jattendi għall-konċelebrazzjoni tal-festa. Nittamaw li t-tweġibiet ta’ Micallef Perconte jgħinu biex dawk li jmorru jaraw xi Knisja jifhmu aħjar is-sinifikat ta’ dak li qed jaraw, jisimgħu, jitolbu jew ikantaw.
Il-Knejjes Maltin għalfejn jintramaw bid-damask? Hemm xi raġuni għalfejn dan ikun ta’ kulur aħmar?
Il-Kulur aħmar huwa festiv minnu nifsu u naħseb dik hija l-unika raguni li d-damask fil-festi jkun ta’ dan il-lewn.
Rigward il-kulur tajjeb li ngħidu li d-damask mhuwiex “liturġiku”, jiġifieri bħalma jilbes il-qassis waqt il-quddiesa. Huwa biss kulur festiv. Jiġifieri jekk il-festa li tkun qed tiġi ċċelebrata hija tal-Madonna, eżempju Santa Marija, il-kulur liturġiku huwa abjad, imma xorta d-damask tal-knejjes huwa aħmar.
Niftakru li anke s-swali fil-palazzi jkunu miksija b’damask aħmar. Għalhekk il-poplu ma ra xejn ħażin li jżejjen id-“Dar ta’ Alla” mill-aqwa.
Użanza li anke tmur lura anke fi żmien il-kavalleri hija li mal-galleriji ta’ mal-palazzi u d-djar fuq barra jiddendlu bċejjeċ ta’ damask aħmar tal-ħarir mill-ifejn. Dan b’sinjal ta’ festa.
Antifona x’inhi?
Ġeneralment l-Antifona li titkanta fil-knejjes tagħna bil-mużika u li tkun popolari ħafna fost il-parruċċani tkun dik li tingħad qabel il-kantiku ta’ Marija lejliet il-festa fl-ewwel għasar. Din kun versi ta’ tifħir lill-Madonna jew lil qaddis/a li tagħha tkun qed issir l-festa.
It-tużell għalfejn jintrama? Mhux kull knisja tarmah. Għalfejn?
It-tużell huwa bħal tinda mdendla fil-għoli fuq l-artal prinċipali tal-knisja. Ikun tad-drapp bil-kulur liturġiku li bih ikun imlibbes l-artal. Dan jindika dik l-għożża u l-qima li jixraqlu l-artal sew jekk ikun jinkludi t-tabernaklu u sew mingħajr tabernaklu.
X’inhi d-differenza bejn paniġierku u omelija? Għalfejn paniġierku jdum ħafna?
Paniġierku huwa diskors ta’ tifħir lill-qaddis jew qaddisa li lilha tkun qed issir l-festa. Rigward dewmien ma hemm ebda regolament kemm idum jiddependi mill-użanzi tar-raħal jew il-belt u kemm wieħed ikun prattiku.
Omelija hija speċi ta’ prietka ta’ tagħlim jew spjega tal-vanġelu u tal-qari tal-quddiesa.
Tridu x’inhu? Kemm ikun hemm? Xi jfisser?
Tridu huma t-tlettijiet ta’ tħejjija qabel il-festa. Isiru ċelebrazzjonijiet inkluż prietka li bihom il-poplu jitħejja b’mod Nisrani biex jiċċelebra l-festa li tkun ġejja.
Tajjeb li nsemmu li għal kull festa li niċċelebraw l-knisja tpoġġi jiem ta’ preparazzjoni li mhux dejjem huwa l-istess. Eżempju Santa Marija għadha bħala jiem ta’ preparazzjoni l-Kwindiċina. Dawn huma 15-il ġurnata qabel il-festa ta’ preparazzjoni. Festi oħra għandhom in-novena li hija 9 ijiem ta’ preparazzjoni. L-aħħar tlett ijiem (tridu) tal-kwindicina jew novena jsiru b’mod iktar solenni.
Bradella, sempliċiment oġġett biex titpoġġa l-vara fuqha?
Il-vara fil-knisja titpoġġa fuq il-bradella u l-bankun. Il-bradella hija dik il-parti li tinħareġ mal-vara fil-purċissjoni minn fejn ikun qegħdin jerfgħu r-reffiegħa.
Dawk l-irġiel li jkunu mal-purċissjoni min huma? Għalfejn jilbsu qishom qassisin u x’inhu l-iskop tagħhom?
Dawk li jilbsu fil-purċissjoni jissejħu fratelli. Il-fratelli jkunu membri ġo għaqda. Dari fil-parroċċi kienu jitwaqqfu għaqdiet jew kif kienu magħrufa fratellanzi fejn persuni b’interess partikolari u komuni jiġu organizzati flimkien. Biex nispjega aħjar, mastrudaxxi, kienu jissieħbu fil-fratellanza ta’ San Ġużepp.
Kien ikun hemm ukoll il-fratellanza tas-sagrament li ġeneralment kienu jieħdu ħsieb jakkumpanjaw lis-sagrament f’kull vjatku. Kull fratellanza kellha xi ħaġa x’tieħu ħsieb. Dawn kellhom ukoll regolamenti u anke kif għandhom jilbsu waqt li jakkumpanjaw fil-purċissjonijiet.
Ġenerlament libsa bajda li tissejjaħ kunfratija, ċinglu jew ħabel abjad madwar qaddhom u muzzetta, speċi ta’ kappa żgħira li l-kulur tagħha jkun jikkorrespondi mal-istandard tal-fratellanza.
Dan juri li l-ilbies huwa differenti minn tal-qassis li jilbes suttana u spelliza.
Transulazzjoni solenni, jiġifieri quddiesa kollha kant li ma tispiċċa qatt?
Lanqas xejn! Transulazzjoni ssir lejliet il-festa filgħaxija.
Ir-relikwi fil-knejjes tagħna suppost jinżammu kif inhu xieraq f’xi post fil-knisja apposta matul sena. Minn dan il-post lejliet il-festa ma nżul x-xemx ir-relikwa tittieħed f’purċissjoni qasira b’mod solenni lejn l-artal prinċipali għall-qima tal-Insara. Wara din il-purċissjoni jitkanta innu liturġiku.
X’inhu l-punt li fil-bidu tal-ġimgħa tal-festa, il-vara toħroġ fuq iz-zuntier u terġa’ tiddaħħal fil-knisja?
Li fil-bidu tal-ġimgħa tal-festa l-vara titulari tinħareġ fil-bieb tal-knisja hija kwistjoni ta’ użanza tar-raħal jew belt. Hawn postijiet fejn l-istawa tittieħed fuq l-ispallejn tar-reffiegħa waqt il-kant tal-innu popolari, min-niċċa lejn l-post imħejji għal jiem tal-festa u ma toħroġx barra.
Is-Sibt jitkanta t-Te Deum, jindaqqu l-qniepen u ssir ħarqa. Dan għalfejn?
Qabel xejn tajjeb ngħidu li t-tifsila tal-festi fil-knejjes tagħna sa ftit żmien ilu kienet kważi kullimkien l-istess. Illum l-affarijiet inbidlu.
Jekk ngħidu aħna l-festa se tkun il-ħadd, it-tridu jibda mill-Erbgħa wara nofsinhar sas-sibt filgħodu. Bħala radd ta’ ħajr lil Alla tat-tlett ijiem ta’ tħejjija għall-festa lejlietha filgħodu jitkanta t-Te Deum li huwa innu ta’ tifħir u radd il-ħajr lil Alla.
It-Te Deum jinqasm fi tnejn. L-ewwel parti ta’ dan l-innu huwa tifħir lil Alla u l-aħħar parti tiegħu hija talba. Waqt l-ewwel parti meta jkun qiegħed jitkanta t-tifħir lil Alla il-qniepen tal-knisja jindaqqu b’mod solenni għax minnhom infushom il-qniepen ifaħħru lil Alla u jieqfu mal-bidu tat-tieni parti.