Żieda qawwija ta’ persuni mil-Lvant tal-Ewropa qed ifittxu saqaf fuq rashom
...Dar Papa Franġisku tqassam 7,600 ikla b’xejn fl-ewwel sitt xhur tas-sena
More in Socjali
...Dar Papa Franġisku tqassam 7,600 ikla b’xejn fl-ewwel sitt xhur tas-sena
Matul din is-sena Dar San Franġisk, li tagħti refuġju fost oħrajn lil dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom, rat żieda qawwija ħafna ta’ persuni mill-Ewropa tal-Lvant li jitolbu l-għajnuna. Fil-fatt fejn sa ftit ilu l-maġġoranza assoluta tal-20 sodda fid-dar kienu jkunu okkupati minn persuni Maltin, din is-sena s’issa mat-80% kienu qed ikunu okkupati minn persuni minn pajjiżi bħas-Serbja, li jaslu Malta bit-tama ta’ ħajja aħjar.
Dan żvelah mal-ILLUM Ian Galea, li jamministra d-Dar imsemmija u li ma’ din il-gazzetta spjega kif dawn il-persuni jingħataw l-għajnuna u perjodu ta’ sitt ġimgħat illi matulu jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fid-dar u fl-istess ħin isibu xi forma ta’ impjieg biex ikunu jistgħu jsostnu lilhom infushom.
Dak li żvela Galea ma’ din il-gazzetta huwa riflessjoni ta’ migrazzjoni lejn Malta ta’ persuni minn żoni u pajjiżi meqjusin ifqar fl-Ewropa u fejn l-opportunitajiet tax-xogħol huma iktar skarsi.
Imma Dar San Franġisk, apparti li tagħti sodda lil dawk li ma jkollhomx fejn jorqdu, toffri wkoll servizz ta’ ikliet b’xejn lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jmorru jfittxu l-għajnuna. L-ILLUM tistaqsi liema sfidi jkunu qed jiffaċċjaw dawk li jfittxu l-għajnuna, jekk hux biss sfidi finanzjarji jew ukoll soċjali.
Galea spjega kif dawk li jmorru jitolbu l-għajnuna, iktar milli problemi finanzjarji riżultat ta’ pagi miżeri jew ta’ spejjeż eżorbitanti, ikollhom problemi u sfidi li jwassluhom biex ma jkollhomx il-mezzi. “Ikollna persuni b’vizzji bħal tad-droga jew anke l-logħob tal-azzard. Oħrajn jiġu hawnhekk għax ikollhom sfidi oħrajn, bħad-dipressjoni jew għax iħossuhom waħedhom.”
Dwar dan l-aħħar punt, Galea jispjega kif ikunu bosta dawk li jbatu minn sens ta’ solitudni li jfittxu li jissoċjalizzaw u jiltaqgħu man-nies u allura jfittxu din id-dar partikolari bħala refuġju.
Minkejja dan huwa rrikonoxxa wkoll li d-dar qed tiltaqa’ ma’ problemi relatati ma’ kirjiet għoljin wisq, li jħallu lill-persuna bi ftit jew xejn riżorsi.
Intant minn tweġiba Parlamentari li ta l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon jirriżulta li minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena in-numru ta’ ikliet offruti mingħajr ħlas minn Dar Papa Franġisku kien jammonta għal 7,602, b’283 persuna differenti jagħmlu użu minn dan is-servizz. Fl-istess ħin kienu 176 persuna li ma kellhomx saqaf fuq rashom u li allura marru f’din id-dar biex ikollhom sodda fejn jorqdu. Minn dawk li għamlu użu mis-servizz ta’ ikel, 118 kienu barranin u 165 kienu Maltin.
Falzon kien qed iwieġeb mistoqsija li saret mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.