29% tal-adulti jirrappurtaw dipressjoni minħabba l-obeżità
L-obeżità pjaga mhux biss fuq l-ekonomija tal-pajjiż u s-saħħa fiżika, imma anke fuq is-saħħa mentali
minn Veronica Lynn Mizzi
Iktar minn kwart tal-popolazzjoni adulta Maltija rrappurtat sintomi ta’ dipressjoni minħabba l-obeżità. Fil-fatt, huwa stmat li 29% tal-Maltin kellhom sintomi dipressivi, hekk kif hemm rabta bejn is-saħħa mentali u l-piż tal-persuna.
Dan joħroġ minn rapport ippubblikat iktar kmieni din is-sena u mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra fil-Parlament mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, intitolat ‘Weighing the Costs of Obesity in Malta’. Minkejja li l-għan prinċipali tar-rapport kien sabiex jikkwantifika l-ispiża tal-pajjiż fejn tidħol obeżità, mhux biss dik monetarja, ir-rapport irnexxielu jitfa’ dawl ukoll fuq oqsma oħrajn, partikolarment soċjali.
L-istudju, li sar mill-kumpanija PwC u kkummissjonat mill-Ministeru għas-Saħħa wera n-numru kbir ta’ riperkussjonijiet li l-obeżità għandha fuq il-pajjiż u l-ekonomija, u mhux biss fuq is-saħħa individwali tal-persuna b’piż żejjed. Fil-fatt, ir-rapport juri l-effetti tal-obeżità fuq is-saħħa psikoloġika tal-persuna u juri biċ-ċar li hemm relazzjoni bejn is-saħħa mentali u l-piż tal-persuna. Fuq naħa waħda, l-obeżità żżid il-possibbiltà li persuna tbati minn xi problema ta’ saħħa mentali bħad-dipressjoni, u min-naħa l-oħra, il-problemi ta’ saħħa mentali jwasslu għal riskju ikbar ta’ obeżità.
Jidher biċ-ċar kif iktar ma jikbru l-livelli ta’ BMI (Body Mass Index, li huwa mod ta’ kejl għall-obeżità), iktar hemm tendenza ta’ problemi ta’ saħħa mentali, b’persuni li huma obeżi iktar jirrappurtaw problemi ta’ dipressjoni, problemi psikjatriċi, skuntentizza bid-dehra tagħhom u ‘binge eating’. L-effetti emozzjonali li l-obeżità tħalli fuq il-persuni huwa iktar diffiċli sabiex jiġu kkalkulati, iżda huwa stmat li diżordnijiet emozzjonali b’riżultat tal-obeżità, għandhom ċans ikbar li jidhru fin-nisa milli fl-irġiel. Dan anke meta wieħed jikkunsidra diversi miżuri li dawn il-persuni lesti li jieħdu minħabba n-nuqqas ta’ kunfidenza li jkollhom, bħal pereżempju jirrikorru għal xiri online minflok joħorġu sabiex ma jidhrux quddiem in-nies.
Dawn il-problemi emozzjonali, minbarra li huma ta’ piż kbir fuq il-persuna, jafu jkunu wkoll ta’ piż fuq l-ekonomija partikolarment fuq il-post tax-xogħol, hekk kif ir-rapport jelenka fatturi differenti bħala spejjeż indiretti għal min iħaddem, b’total ta’ €12.5 miljun. Dan jinkludi fost l-oħrajn l-assenteiżmu, meta persuna ma tattendix għax-xogħol minħabba raġunijiet ta’ saħħa, li waħedha laħħqet mas-€6.5 miljun, is-sena li għaddiet biss.
Meta wieħed jara l-popolazzjoni Maltija maqsuma skont il-piż tagħha, 38% biss għandhom il-piż ideali għal persunthom, waqt li l-maġġoranza assoluta tal-poplu, b’60% huma jew obeżi jew fil-fażi ta’ qabel l-obeżità
Minkejja li huwa iktar diffiċli li tikkwantifika din it-tip ta’ statistika, huwa stmat li persuni bi problema ta’ obeżità, huma 1.3 darba iktar biċ-ċans li jirrappurtaw sintomi ta’ dipressjoni minn persuni ta’ piż normali. Fl-istess waqt, huwa rappurtat li madwar 7% tal-popolazzjoni adulta Maltija tieħu xi tip ta’ medikazzjoni bir-riċetta sabiex tikkura ansjetà jew dipressjoni.
Is-sitwazzjoni fil-futur ma tidhirx li se titjieb sakemm ma titteħidx azzjoni drastika. Ir-rapport juri li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ għaddejja bir-rata li tinsab għaddejja biha, fil-qasam tas-saħħa mentali, persuni obeżi li jirrappurtaw sintomi ta’ dipressjoni minħabba l-piż tagħhom, mistenni jkompli jitla’ mid-29% tal-preżent, għal 33%.
L-obeżità qed tiswa lill-pajjiż €36.3 fis-sena
Is-sitwazzjoni tal-pajjiż fejn tidħol l-obeżità mhix waħda sabiħa hekk kif l-ammont ta’ persuni li għandhom problema ta’ obeżità taqbeż il-kwart, jiġifieri persuna minn kull erbgħa għandha problemi ta’ obeżità. Dan juri żieda fin-numru meta mqabbel mal-2002 hekk kif dakinhar, kien il-popolazzjoni obeża kienet tlaħħaq it-23%. Iktar minn hekk, meta wieħed jara l-popolazzjoni Maltija maqsuma skont il-piż tagħha, 38% biss għandhom il-piż ideali għal persunthom, waqt li l-maġġoranza assoluta tal-poplu, b’60% huma jew obeżi jew fil-fażi ta’ qabel l-obeżità.
Minkejja li pajjiżna jirreġistra rati għoljin ta’ obeżità fost it-tfal, il-figuri jindikaw li ċ-ċansijiet li persuna jkollha piż żejjed jew tkun obeża jikbru bl-età. Fil-fatt, il-grupp tal-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena kellu 10% tiegħu li kienu obeżi, dan meta mqabbel mal-20% ta’ dawk ta’ bejn il-25 u l-34 sena. Il-grupp tal-età li kellu l-ikbar perstentaġġ ta’ persuni obeżi fi ħdanu kienu dawk ta’ bejn il-55 u l-64 sena, b’35%.
Din il-problema hi ta’ piż kbir fuq l-istrutturi tas-saħħa fil-pajjiż, fuq l-ekonomija u fuq is-settur tax-xogħol fost l-oħrajn, hekk kif ir-rapport jikkwota stima konservattiva ta’ €36.3 miljun bħala spiża tal-pajjiż fl-2016 minħabba l-obeżità, kemm spejjeż diretti kif ukoll indiretti.
L-ispejjeż diretti fejn tidħol l-obeżità jidhru primarjament fil-kura tas-saħħa u l-mediċini meħtieġa. Fil-fatt, ir-rapport jindika li l-obeżità ssarraf fi spiża ta’ €3.1 miljun f’kura tal-isptar, fis-settur pubbliku, u €6.7 miljun f’mediċini maħruġa b’mod privat. Fil-fatt, huwa stmat li persuni obeżi jonfuq bejn 23% u 54% iktar fuq mediċini milli persuni ta’ piż normali.
L-obeżità tammonta għal piż indirett fuq l-ekonomija, f’forom varji, fost l-oħrajn minħabba l-assenteiżmu. Fil-fatt, l-assenteiżmu sewa €4.7 miljun lis-settur privat, b’total ta’ €6.5 miljun f’sena waħda. L-assenteiżmu, jew in-nuqqas ta’ persuna milli tattendi għax-xogħol huwa marbut mill-qrib mal-obeżità hekk kif ċifri fir-rapport juru li iktar ma jkollha piż persuna, ikbar ikun in-numru ta’ sigħat li ma tirrappurtax għax-xogħol, minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Fil-fatt, il-kategorija tal-akbar obeżità, jiġifieri obeżità ta’ klassi 3, kellha medja ta’ 74.2 sigħat ’il bogħol mix-xogħol, u dan meta mqabbel mas-26.9 siegħa ta’ persuna b’piż normali.
Futur imċajpar: Telf ta’ 90,000 siegħa ta’ ħidma fuq 6 snin
Meta wieħed jara s-sitwazzjoni ta’ bħalissa u r-rata li biha l-figuri qed jitilgħu, il-futur jindika li dawn il-problemi għas-soċjetà se jibqgħu jikbru. Fil-fatt, il-problema hi waħda dinjija għaliex bir-rata preżenti, id-dinja mistennija tara 50% tagħha magħmula minn persuni obeżi jew b’piż eċċessiv sas-sena 2030. F’Malta, minn sitwazzjoni ta’ 25%, fis-snin li ġejjin mistennija żieda li tlaħħaq l-34% tal-adulti.
Din iż-żieda tirrifletti wkoll fuq l-ispiża tal-pajjiż minħabba f’dan, biċ-ċifra tlaħħaq il-€41.4 miljun sal-2022 li hija żieda ta’ €5.1 miljun fuq is-somma preżenti fuq perjodu ta’ 6 snin.
Anke l-ammont ta’ żjarat lit-tabib tal-familja u speċjalisti mistennija jaraw żieda ta’ 3% fuq perjodu ta’ 6 snin.
L-effetti fuq il-postijiet tax-xogħol ukoll se jkomplu jikbru, hekk kif fis-sitt snin li ġejjin, l-ammont ta’ sigħat ta’ produttività nieqsa minn fuq il-post tax-xogħol se tiżdied b’90,000 siegħa oħra. Dan minħabba li b’żieda fl-ammont ta’ persuni obeżi, hemm ukoll it-tendenza li iktar persuni jbatu minn xi diżabbiltajiet li jimpediehom milli jipparteċipaw fil-post tax-xogħol tagħhom, jew saħansitra li jwasslu xogħolhom b’mod effet