F’sentenza qasira; inti favur jew kontra l-legalizzar tal-marijuana għal skopijiet rikreattivi?
L-ewwel ħaġa l-kelma rikreattiva ma tantx tinżilli. Nippreferi użu personali. Nagħmilha ċara li jien ma naqbel mal-ebda droga, ibda minn kafè u spiċċa fil-karririżmu. Imma mbagħad assolutament kontra li għax xi ħadd juża d-droga nagħmlulu ħajtu nfern.
Ladarba inti favur, ma tħossx illi hija xi ftit ta’ kontradizzjoni li int tant voċiferu fir-rigward tal-faqar u fl-istess nifs taqbel li għandha ssir legali sustanza li tista’ twassal għad-dipendenza u, sussegwentement, għal problemi finanzjarji serji?
Le. M’hemmx kontradizzjoni. Hija ħrafa li l-ħaxixa twassal għal drogi oħra. Hemm ħafna riċerka xjentifika li turi li mhux vera. Barra minn hekk x’qed nagħmlu bħalissa? Min jinqabad bil-cannabis jew inwaħħluh multa u jekk ikollu aktar minn ċertu ammont nistgħu nibagħtuh il-ħabs. Jiġifieri min ikun fqir qed inkomplu nfaqqruh.
Waqt konferenza tal-OASI dwar dan is-suġġett qamu diversi argumenti, fosthom persuna li kienet vittma tad-droga eroina li qalet li hi hekk bdiet, b’joint. Kif tista’ tillegalizza l-ewwel pass minn proċess li jista’ jwassal għal dipendenzi serji?
Kif diġà għidt din li l-ħaxixa twasslek għal drogi oħra hija ħrafa. Ħrafa li minkejja kollox tibqa’ tiġi rrepetuta. Aktarx ħafna għandhom din il-perċezzjoni għax il-ħaxixa hija llegali u meta jitkellmu jgħidu kif minn droga llegali għaddew għal oħra.
Imma qabel il-ħaxixa aktarx inkunu diġà użajna l-alkoħol, it-tabakk, il-kafè, iz-zokkor, il-junk food. Ilkoll huma forma oħra ta’ droga, fis-sens li huma addictive. Allura nistgħu nagħmlu kollox illegali u nitrasformaw il-pajjiż kollu f’ħabs.
Ikkaġunat mill-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu, minn sistema ekonomika li l-ħin kollu timbuttana biex naħdmu aktar u nikkunsmaw aktar. Sistema mibnija fuq l-individwaliżmu, meta l-bnedmin huma annimali soċjali. U huwa dan l-istress li jimbuttana biex nużaw sustanzi (alkoħol, tabakk, cannabis, eċċ) jew proċessi (gambling, pornografija, eċċ) bħala ħarba mir-realtà (escapism) jew biex nimmedikaw lilna nfusna (self medication).
Ngħidu li se nneħħu l-kannabis minn idejn it-traffikanti. Imma traffikant xorta jifdallu għażliet oħrajn. Jista’ jbigħ il-kokaina, l-eroina, pirmli XTC...allura x’benefiċċju qed tara li jista’ jkollha azzjoni bħal din għas-soċjetà inġenerali?
Int stess qed tgħid li t-traffikant jista’ jbigħ il-kokaina, eroina, XTC, u drogi oħrajn. U tibżax, bħalissa hekk qed isir u hekk se jibqa’ jsir. Imma hemm benefiċċju li min ipejjep joint, għall-anqas, ma jmissx ma’ din id-dinja ta’ kriminalità.
Is-separazzjoni tas-swieq hija wieħed mill-vantaġġi li l-marijuana tkun legali.
X’jiġifieri separazzjoni tas-swieq?
Jiġifieri li meta tneħħi l-marijuana mill-ambitu tal-illegalità, int qed tnaqqas iċ-ċans li persuna li tpejjep joint se tiltaqa’ ma’ min ibigħ kull tip ta’ droga oħra, kif fil-fatt semmejt. Bħalissa meta persuna tixtri l-ħaxixa, min qed ibigħ jista’ joffrilek jew iħajrek biex tixtri droga oħra. F’pajjiżi bħall-Olanda, għax għandek din is-separazzjoni, meta persuna tmur biex tixtri joint ħadd ma jgħidilha ‘għandi naqra coke tajba, trid?’
Nerġa’ ngħid, kif għidt fl-ewwel risposta, jien kontra kull tip ta’ droga imma t-triq ’il quddiem għandha tkun mibnija fuq l-edukazzjoni mhux il-kastig. Hekk, ir-responsabbiltà aħħarija tal-għażla, la mhux qed jagħmel ħsara lil ħaddieħor, għandha titħalla f’idejn l-individwu u mhux tkun f’idejn l-istat.