Paceville: Sentejn oħra fuq l-ixkaffa
Wegħdi ta’ reġistrar u taħriġ għall-bouncers baqgħu fl-arja...mistennijin laqgħat bejn il-GRTU u l-Ministru Michael Farrugia
minn Albert Gauci Cunningham
Sentejn wara li ma’ din il-gazzetta u anke fil-Parlament il-Ministru Carmelo Abela kien wiegħed illi l-Gvern se jaħdem biex kull bouncer f’Paceville ikun reġistrat u jingħata t-taħriġ meħtieġ, jidher illi għadu ma sar xejn jew ftit li xejn li hu konkret u pubbliku f’din id-direzzjoni.
Abela kien għadda dawn il-kummenti mal-ILLUM nhar il-Ħadd 22 ta’ Novembru 2015, ftit ġranet biss wara l-inċident li seħħ fl-istabbiliment PlusOne li ħalla 74 persuna mweġġgħin, tnejn minnhom f’qagħda kritika.
Il-Ministru Abela, dak iż-żmien responsabbli għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, kien sostna hekk; “Se nkunu qed nisħqu fuq ħidma illi tara eżerċizzju mill-pulizija biex kull bouncer ikun reġistrat u jingħata t-taħriġ li hemm bżonn mill-entitajiet kompetenti.”
Mal-ILLUM kemm Philip Fenech mill-GRTU kif ukoll Mark Grima, sid ta’ stabbiliment f’Paceville ikkonfermaw illi dwar din il-proposta għad m’hemm xejn konkret, bi Grima jmur oltrè u jgħid li lanqas diskussjonijiet ma saru la fuq din il-materja u lanqas dwar proposti għal moniteraġġ 24 siegħa kuljum taż-żona tad-divertiment.
Il-kummenti ta’ Fenech u Grima mal-ILLUM jiġu hekk kif din il-ġimgħa l-midja Maltija reġgħet ‘xegħlet’ bl-attakk mill-aktar salvaġġ li sar fuq tnejn minn nies li ma tħallewx jidħlu f’gentleman’s club partikolari. Il-filmat li ġie mxerred fuq is-sit tvm.com.mt qajjem għagħa, b’bosta jistaqsu dwar is-sigurtà f’din iż-żona ta’ divertiment.
Sid jappella biex jitneħħa r-rekwiżit ta’ 5 snin esperjenza għal bouncers
Mal-ILLUM Fenech ikkonferma iżda li se jkunu għaddejjin diskussjonijiet bejn il-GRTU u l-Ministru l-ġdid li se jmexxi dan id-dekasteru, Michael Farrugia, biex ikun hemm immaniġġjar suret in-nies ta’ kif jopera Paceville “mhux management by crisis”.
Mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta lill-Ministru Abela, dwar fejn kien wasal il-proċess ta’ taħriġ u reġistrazzjoni tal-bouncers li kien wiegħed, sa meta kien għadu Ministru hu b’dan il-portafoll baqgħu ma twieġbux sakemm morna għall-publikazzjoni
Fenech jisħaq mal-ILLUM illi huwa dejjem ħażin li bouncer juża forza eċċessiva, “imma wieħed irid jifhem ukoll illi inti għandek bżonn li jkollok lill-Pulizija li jkunu lesti. Tifhimnix ħażin,” jisħaq Fenech, “mhux qed ngħid li l-Pulizija mhix tagħmel xogħolha sew, imma li hemm bżonn li jkollok struttura f’postha għal Paceville bi preżenza kostanti ta’ pulizija għax dak li ma jiġrix is-Sibt jista’ jiġri kwalunkwe ġurnata oħra.”
Fenech jipproponi li jkun hemm sorveljanza 24 siegħa kuljum, xi ħaġa li jaqbel magħha wkoll Grima. Dan tal-aħħar sostna li s-sitwazzjoni f’Paceville, “jeħtieġ tinbidel, hemm bżonn li jkollna kamera ta’ sorveljanza (CCTV) 24 siegħa kuljum, li tkun qed tiġi segwita minn nies apposta. U jekk jinqala inċident tkun imsejħa l-Pulizija mill-ewwel.”
Grima jappella għal żewġ affarijiet fir-rigward tal-bouncers li jaħdmu f’stabbilimenti f’Paceville. L-ewwel li hemm bżonn li jsiru korsijiet u jingħata taħriġ suret in-nies lill-bouncers, u t-tieni u fl-istess ħin mat-taħriġ, li jitneħħa r-rekwiżit ta’ ħames snin esperjenza biex persuna ssir bouncer. Grima sostna ma’ din il-gazzetta illi b’dan ir-rekwiżit, is-sidien qed isibuha diffiċli jekk mhux kważi impossibbli li jimpjegaw bouncer, jekk mhux xi ħadd li ma jkollux esperjenza u allura mhux skont il-liġi.
Fenech, li huwa proprjetarju huwa wkoll ta’ stabbiliment f’Paceville jfakkar li din iż-żona hija waħda ta’ divertiment u li bħal kull post tad-divertiment fejn ikun hemm ammont kbir ta’ nies u ammont ta’ xorb ikkunsmat huwa impossibbli li tipprevjeni milli qatt ikun hemm inċident. “Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm struttura f’postha, biex il-bouncers jieħdu ħsieb dak li huwa tal-istabbiliment u jikkontrollaw is-sitwazzjoni fl-istabbiliment, filwaqt li l-Pulizija jieħdu s-sitwazzjoni f’idejhom meta din tispiċċa fit-triq.”
Għal dan il-għan il-GRTU mistennija tiltaqa’ mal-Ministru Farrugia biex tiddiskuti l-bżonn ta’ mmaniġġjar “totali” taż-żona, preżenza kostanti ta’ pulizija u sistemi ta’ sorveljanza.
Lura fl-2015 il-Ministru, dak iż-żmien Carmelo Abela kien sostna li, “wieħed ma jistax ma jqanqalx il-kwistjoni ta’ dawk li jissejħu bouncers u kemm dawn huma mħarrġin u għandhom għarfien li jgħinu f’każ ta’ xi emerġenza li tista’ tinqala’, kif fil-fatt seħħ fil-weekend li għadda. Inħoss għalhekk li mhux biss għandu jsir eżerċizzju mill-pulizija li jaraw li kull min qed jagħmel dan it-tip ta’ xogħol ikun irreġistrat kif suppost, iżda li flimkien ma’ awtoritajiet oħra jaraw x’rekwiżiti għandu jkollhom u li jkunu obbligati li jilħqu, wara li jingħataw it-taħriġ...Fis-snin li għaddew Paceville kien il-post fejn seħħew diversi inċidenti. Dejjem ikun hemm għagħa fil-midja, iżda wara ftit jintesa kollox u ma jinbidel xejn jew ftit li xejn. Nassigurakom mill-impenn tiegħi li din id-darba ma jiġrix l-istess.”
Mhux l-ewwel darba...
L-inċident li seħħ din il-ġimgħa la kien l-ewwel u mhux se jkun l-aħħar, imma l-preżenza jew in-nuqqas tagħha f’din il-lokalità frekwentata minn eluf ta’ żgħażagħ kull ġimgħa, speċjalment bħalissa fix-xhur tas-sajf, dejjem kienet xi ftit ta’ uġigħ ta’ ras.
Lura fl-20 ta’ settembru 2015 uffiċjali għolja fil-Korp tal-Pulizija kienu spjegaw kif waqt attakk li Libjan kien wettaq permezz ta’ mus, kien hemm biss erba’ pulizija preżenti f’Paceville. Wara kellhom jissejħu l-Pulizija minn distretti oħrajn.
Aktar qawwija kienet il-kritika mis-sorsi tagħna qrib il-Korp tal-Pulizija f’rapport ieħor nhar it-22 ta’ Novembru 2015. Meta mistoqsi dwar pjan ta’ kontinġenza wieġbu lil din il-gazzetta retorikament “pjan ta’ kontinġenza? Xi pjan hu dan? Biex ikollok pjan ta’ kontinġenza jeħtieġ li jkollok pulizija li huma mħarrġin sew u lesti biex jilqgħu għall-isfidi li jiffaċċjaw f’Paceville. Bħalissa, filli jkollok pulizija stazzjonat il-Ħamrun u l-għada jistazzjonawh Paceville. Dak il-pjan ta’ kontinġenza?”