Matul tmiem il-ġimgħa, Transport Malta ikklampjat numru ta’ karozzi irregolari bi pjanċi barranin, fl-aħħar sforz biex jitnaqqas l-abbuż.
Permezz ta’ avviż legali li daħal fis-seħħ ftit ġimgħat ilu, Transport Malta reġgħat introduċiet is-sistema tal-ikklampjar, mezz li se jgħin ħafna biex l-Awtorita’ tinforza l-liġi fit-toroq Maltin. Minkejja numru ta’ spezzjonijiet mill-uffiċjali ta’ Transport Malta u tal-Pulizija fuq karozzi bi pjanċi barranin, numru ta' individwi baqgħu jabbużaw is-sistema u saqu karozzi li qegħdin fit-toroq illegalment. Uħud minnhom jipparkjaw ħażin, jikkawżaw ostakkli fit-toroq u jistgħu joħolqu aċċidenti mingħajr il-possibilita’ li jiġu traċċati l-istess sewwieqa ta’ karozzi bi pjanċi barranin. L-awtoritajiet ma kellhom ebda mod kif isibu s-sid tal-karozza f’każ t’offiżi minuri.
Transport Malta ser tkun qed tagħmel spezzjonijiet għal għarrieda fuq karozzi bi pjanċi barranin u ser tibqa’ ssegwi r-rapporti biex jitnaqqas l-abbuż. L-uffiċjali ta’ Transport Malta ser jikklampjaw dawn il-karozzi li jkunu f’pajjiżna b’mod irregolari u se jwaħħlul karta bl-informazzjoni mal-karozza. Is-sid jista’ jċempel għal uffiċjal li jiġi jneħħi l-klamp wara li jħallas €180. Jekk is-sid ma jitlobx li titneħħa l-klamp, l-uffiċjali jirmunkaw il-karozza u s-sid jeħel penali addizzjonali.
Karozza bi pjanċi barranin tista’ tinstaq biss minn individwu mhux residenti Malta u tista’ tinstaq f’pajjiżna għal perjodu massimu ta’ 7 xhur fi żmien 12-il xahar.