‘Din mhix kwistjoni ta’ kompromessi...jew nipproteġu jew neqirdu x-xagħri’

Ir-residenti ta' Pembroke qed jopponu għall-iżvilupp ta' skola ġdida fuq biċċa art verġni...l-ILLUM tkellmet ma' Dr. Adrian Grima, resident ta' Pembroke, dwar dan

Dr. Adrian Grima, resident ta' Pembroke
Dr. Adrian Grima, resident ta' Pembroke

Ir-residenti ta’ Triq Gabriele Henin u Triq il-Mediterran f’Pembroke ilhom għal snin twal jgħixu mingħajr l-ebda bini quddiemhom, hekk kif biċċa art li tinsab f’din iż-żona nżammet fl-istat naturali tagħha għal snin twal mingħajr ma qatt sar żvilupp fuqha. Is-sitwazzjoni ħadet xejra differenti hekk kif l-iskola privata Chiswick House School applikat mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tiżviluppa parti minn din l-art fi skola primarja.

L-applikazzjoni mal-Awtorità għal din l-iskola tindika l-bini ta’ skola primarja b’36 klassi, flimkien ma’ diversi faċiliajiet, faċilitajiet oħra sportivi u 82 post ta’ parkeġġ. Din l-applikazzjoni qajmet kjass fost ir-residenti, bil-Kunsill Lokali jingħaqad magħhom fi protesti fiż-żona, u anke petizzjonijiet online sabiex dan l-iżvilupp ma jseħħx.

Ir-residenti ta’ Pembroke qegħdin jilmentaw li dan il-proġett m’għandux jiġi approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar għaliex se tkun qed tinqered waħda mill-ftit żoni miftuħa u mhux mibnija li għad għandha l-lokalità. Argument li qed jinġieb mill-istess residenti kontra dan il-proġett huwa li f’lokalità ta’ daqs medju, diġà hemm mal-14-il skola, kemm privati u tal-Gvern, flimkien ma’ għadd ieħor ta’ faċilitajiet għal diversi gruppi oħrajn li anke fil-preżent, qed iwassal għal konġestjoni u staġnar tat-traffiku. Pembroke wkoll, minbarra li għandu numru ta’ proġetti fi ħdanu li għadhom sit ta’ kostruzzjoni, jinsab pass biss bogħod miċ-ċentru ta’ kostruzzjoni f’lokalitajiet bħal San Ġiljan u Tas-Sliema.

Iż-żona proposta għall-bini hi art verġni li qatt ma ġiet żviluppata. Minkejja dan, l-istess sit mhuwiex barra ż-żona tal-iżvilupp, għaliex lura fl-2006, il-Pjan Lokali taż-Żona kien inkluda parti sostanzjali ta’ art mhux żviluppata, li tinkludi fiha ż-żona indikata għall-iżvilupp mill-iskola. Kelliema għall-iskola sostnew li l-proġett tal-iskola l-ġdida se jkun qed jieħu biss kwart tal-art disponibbli għall-iżvilupp.

Sostnew ukoll kif l-art kienet ilha għal snin sħaħ miftuħa għall-iżvilupp u li kieku dan ma kienx il-każ, l-applikazzjoni lanqas biss kienet tiġi sottomessa.

F’għadd ta’ stqarrijiet, id-direttriċi tal-iskola Chiswick, Bernie Mizzi enfasizzat li s-sit f’Pembroke ntagħżel wara sentejn ta’ konsultazzjoni u li kienu fil-fatt l-awtoritajiet li ssuġġerew dan is-sit.

Ir-residenti qegħdin joġġezzjonaw għall-fatt li se tkun qed tinqered biċċa art, u għaldaqstant spazju miftuħ u natura, iżda l-iskola qed tinsisti li biċċa kbira mill-proġett, se jkun fil-fatt spazju miftuħ sabiex it-tfal ikunu jistgħu jibqgħu f’kuntatt man-natura, minflok jibqgħu fi klassi magħluqa.

Nhar it-Tlieta li għadda, però s-sitwazzjoni tant eskalat li ġiet organizzata protesta mir-residenti, flimkien mal-Kunsill Lokali sabiex titwaqqaf din l-applikazzjoni, u ż-żona tibqa’ waħda miftuħa għall-pubbliku. Għal din il-protesta, attenda wkoll il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera li waqt li wiegħed l-appoġġ tiegħu lir-residenti, insista li kien wasal il-mument li l-Gvern jagħti prijorità lill-ambjent.

Dwar xi tip ta’ diskussjoni jew kompromess għal dan il-proġett, ir-residenti qed iżommu mal-prinċipju tagħhom, u bħalma sostna mal-ILLUM ir-resident minn Pembroke Dr Adrian Grima, qal li din mhix kwistjoni ta’ kompromessi, “jew se nipproteġu dan ix-xagħri, jew se neqirduh f’isem ‘l-edukazzjoni’.”

Fl-istess waqt, mal-gazzetta The Times, Bernie Mizzi qalet li waqt li tifhem it-tħassib tar-residenti għall-fatt li l-iskola se tokkupa biċċa art li kienet vojta meta dawn bnew id-djar tagħhom, l-iskola għandha kull intenzjoni li tiftaħ l-aċċess tal-iskola lill-komunità lokali, lil hinn mill-ħinijiet tal-iskola, “sabiex huma wkoll jibbenefikaw mill-faċilitajiet innovattivi tagħna.”

 

Il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ma’ Dr Adrian Grima li huwa resident tal-lokalità ta’ Pembroke, li qed jopponi dan l-iżvilupp, kif ukoll ma’ Bernie Mizzi li hi d-direttriċi tal-iskola Chiswick House School sabiex iwieġbu sett ta’ domandi sabiex jiġġustifikaw il-pożizzjoni tagħhom. Mizzi ma xtaqitx tirrispondi d-domandi, u kkomunikat biss permezz ta’ stqarrijiet li ħarġu min-naħa tal-iskola.

Hemm bżonn nibnu kull roqgħa art li fadlilna? Hemm bżonn neqirdu kull xitla, kull ħlejqa, kull farka mill-kampanja?

Din l-art ilha mmarkata għal żvilupp ta' dan it-tip sa mill-2006, skont il-pjan lokali. Għalfejn ma sarux protesti dakinhar, jew matul dawn il-11-il sena, ġaladarba seta' jsir proġett ta' dan it-tip skont il-pjan lokali?

Ir-residenti ta’ Pembroke u r-rappreżentanti tagħhom kienu diġà oġġezzjonaw għal aktar bini fis-sena 2000 u teżisti d-dokumentazzjoni. Din hija storja li bdiet ferm qabel l-2006 u r-residenti kienu dejjem attivi. In-nies joħorġu fit-triq meta jkun hemm proposta speċifika, bħal meta l-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ippropona ‘Business Park’, ewfemiżmu għal ‘qasam industrijali’. Kemm ilu li sar il-pjan lokali, bil-bini bla rażan u t-traffiku, l-ambjent naturali fi gżiritna kompla jitgħarraq, u ħafna Maltin ma jifilħux iżjed taparsi ‘żvilupp’ u bżar fl-għajnejn.

Huwa fatt li ħadd ma jieħu gost bil-bini wara biebu. Għandkom f'moħħkom xi post alternattiv għal dan il-proġett?

Il-bini propost mhuwiex wara biebi. Huwa pjuttost ’il bogħod minn fejn noqgħod jien. Min-naħa l-oħra, kull bini bla bżonn f’Pembroke se jaffettwa lil kulħadd, lir-raħal kollu u lill-eluf ta’ nies li jżuru Pembroke minħabba l-faċilitajiet li joffri u l-kampanja li għandu. Hemm bżonn nibnu kull roqgħa art li fadlilna? Hemm bżonn neqirdu kull xitla, kull ħlejqa, kull farka mill-kampanja? Hemm bżonn l-art pubblika ssir kollha privata?

Jekk ma jsirx dan l-iżvilupp, x'inhuma l-proposti tar-residenti għal din iż-żona? Temmnu li għandha ssir ODZ, biex taċċertaw li l-ebda proġett ma jsir fuq din l-art?

F’Pembroke m’għandux isir iktar bini bla bżonn. Irridu nipproteġu n-natura prezzjuża li fadal u dan is-sit għandu jidħol mal-bqija tax-xagħri li hu protett mir-regoli tan-Natura 2000: Dan huwa network Ewropew, l-ikbar wieħed fid-dinja, ta’ siti speċjali li fihom jitħarsu speċi u ambjenti naturali mhedda. Hemm postu.

Lesti tiddiskutu mal-iskola sabiex jinstab kompromess? Jekk l-iskola taċċetta li tnaqqas id-daqs tal-proġett, tasal taċċetta l-bini ta' din l-iskola?

Le. Għalina r-residenti u għall-kunsill lokali kollu li jirrappreżentana, din mhix kwistjoni ta’ kompromessi. Jew se nipproteġu dan ix-xagħri, jew se neqirduh f’isem ‘l-edukazzjoni’ (privata). Dan huwa patrimonju lokali u nazzjonali u ħadd m’għandu jagħmel kompromessi mal-ftit kampanja li fadlilna f’pajjiżna. Ħares lejn il-pjanta tal-proġett propost, fuq ix-xellug: qed tarah dak iċ-ċirku kbir “land for future expansion”?

Lesti taċċettaw xi tip ta' kumpens ambjentali jew xi tip ta' kumpens ieħor, bħal roħs fil-miżati għal tfal minn Pembroke li jattendu l-iskola, użu pubbliku għar-residenti, tal-faċilitajiet tal-iskola bħal parkeġġ u faċilitajiet sportivi?

Kif taf, Pembroke diġà għandu 14-il skola, għadd ta’ kumplessi sportivi kbar, lukandi li jilqgħu eluf ta’ turisti fis-sena, impjant kbir tar-reverse osmosis, bażi tal-armata u tal-pulizija u wesgħat għat-taħriġ militari, miżbla antika fil-qrib, il-pjaga tat-traffiku staġnat f’Pembroke fl-agħar ħinijiet tal-ġurnata u fi Triq Sant’Andrija l-ħin kollu (il-kurutur li minnu jrid jgħaddi kollox)... Jekk għamlu l-homework tagħhom, l-iżviluppaturi suppost dan kollu jafuh.

More in Socjali