Malta qed ‘tixjieħ’ b’rata mgħaġġla
- Sal-2015; 111,281 persuna ’l fuq minn 60 sena
- Żieda qawwija ta’ dawk li għandhom aktar minn 90 sena
- Tnaqqis drastiku fil-popolazzjoni ta’ bejn l-10 u 19-il sena
minn Albert Gauci Cunningham
Il-poplu Malti qed isir dejjem iktar anzjan hekk kif, minkejja li xorta tibqa’ minoranza tal-popolazzjoni, is-sezzjoni tal-Maltin li huma anzjani qiegħda dejjem iktar tiżdied. Dan filwaqt li s-sezzjoni tal-poplu Malti li hija żagħżugħa jew fit-tfulija qiegħda dejjem tonqos, hekk kif it-tkabbir huwa wieħed żgħir jekk mhux fin-negattiv ukoll.
Fil-fatt bejn l-2011 u l-2015 seħħet żieda kbira ħafna f’dak li huwa l-iżgħar grupp ta’ etajiet f’pajjiżna; dawk li għandhom 90 sena jew aktar. Hawnhekk iż-żieda hija ta’ 29%. Żidiet qawwijin oħrajn seħħew fil-grupp ta’ dawk li għandhom bejn 70 u 79 sena u dawk ta’ bejn it-80 u d-89 sena, bi 18.9% u 18% rispettivament.
Min-naħa l-oħra x-xenarju huwa xi ftit jew wisq differenti f’dak li jikkonċerna l-etajiet aktar żagħżugħa ta’ bejn l-10 snin u d-39 sena. Hawnhekk, saħansitra,pajjiżna esperjenza l-unika tnaqqis ta’ 9% fost dawk li għandhom bejn 10 u 19-il sena. Iż-żidiet fil-gruppi tal-etajiet l-oħrajn huma ta’ 6.5% għat-tfal ta’ inqas minn 9 snin, 3% għal dawk li jinsabu fl-20jiet u 7.4% għal dawk ta’ bejn it-30 u d-39 sena.
Dawn iċ-ċifri maħruġin f’rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika msejjaħ ‘Regional Statistics Malta’ jindikaw bl-aktar mod ċar illi minkejja li l-popolazzjoni żagħżugħa u dik li tinsab fl-etajiet qabel is-60 sena għadha l-aktar dominanti, ir-rata li biha qed jespandu dawk il-gruppi ta’ etajiet aktar anzjani tfisser illi Malta qiegħda issir dejjem aktar anzjana.
Tant hu hekk illi meta wieħed jgħodd iċ-ċifri, xejn inqas minn 111,281 persuna għandhom iktar minn 60 sena, li jirrapreżentaw ftit iktar minn kwart tal-popolazzjoni, jew 25.6%.
L-akbar grupp huwa dak tal-anzjani bejn 60 u 69 sena, bi 58,496-il persuna u l-iżgħar grupp ta’ dawk li għandhom iktar minn 90 sena. Fil-fatt huma 2,482 persuna biss f’pajjiżna li resqin sew lejn il-100 sena.
Jekk wieħed jieħu Għawdex b’mod separat ix-xejriet huma l-istess imma aktar aċċentwati, fis-sens li t-tnaqqis fil-gruppi ta’ etajiet li huma iżgħar huma aktar mferrxin u perċentwalment ikbar. Tant hu hekk illi l-perċentwal ta’ dawk li għandhom bejn 10 u 19-il sena naqqsu bi ftit inqas minn 13%, l-akbar tnaqqis minn kull grupp f’kull parti tal-pajjiż. Dan it-tnaqqis huwa kumplimentat bi tnaqqis ieħor fil-grupp ta’ mezz età (40-49 sena) ta’ -6.2%.
Min-naħa l-oħra iżda ż-żieda fil-perċentwal ta’ dawk li huma anzjani żdied sew, b’16% fost dawk li għandhom bejn 70 u 70 sena, 18.8% fost dawk li għandhom bejn 80 u 89 sena u żieda astronomika ta’ 37.7% fost dawk li għandhom 90 sena jew aktar.
Dawn iċ-ċifri għalhekk juru biċ-ċar illi r-rata illi biha qed ‘tixjieħ’ Għawdex hija bil-wisq aktar mgħaġġla. Fil-fatt f’Għawdex hemm b’kollox 8,912-il persuna li għandha ’l fuq minn 60 sena, li tirrapreżenta 28% tal-popolazzjoni Għawdxija.
L-isfida ta’ poplu li qiegħed isir aktar anzjan....
U x’inhi l-isfida ta’ poplu li qiegħed dejjem jikber fl-età? L-ILLUM tat ħarsa lejn studju li tratta l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi ta’ popolazzjoni li qiegħda dejjem aktar issir anzjan u li sar mil-lekċerer Marvin Formosa mill-Unit tal-Ġerentoloġija fl-Università ta’ Malta.
Naturalment dan l-istudju jsemmi l-pensjonijiet u l-għafsa li dawn se jitfgħu fuq il-finanzi tal-pajjiż. Biżżejjed wieħed iħares lejn l-aħħar statistika tal-NSO, li turi illi bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena ntefqu xejn inqas minn €339.5 miljun f’pensjonijiet kontirbutorji, total li jinkludi fih diversi tipi ta’ pensjonijiet fosthom dik taż-żewġ terzi. Din l-ispiża mistennija tkompli tiżdied u tista’ timpinġi fuq is-sostenibbilità tal-pensjonijiet.
Il-Gvern preżenti qed jibqa’ jirreżisti l-introduzzjoni tal-pensjoni tat-tieni pilastru, li tfisser żieda fil-ħlas tas-Sigurtà Soċjali u qed jesiġi illi l-ħolqien ta’ pensjoni tat-tielet pilastru permezz ta’ assigurazzjoni privata voluntarja u ħolqien tax-xogħol għandu jkun biżżejjed biex jilqa’ għal din il-problema.
Gvern Nazzjonalista, kif ifakkar ir-rapport li evalwa s-sitwazzjoni sal-2012, kien introduċa żieda gradwali fl-età tal-irtirar għal 65 sena, minn 61, kien żied iż-żmien meqjus bħala l-perjodu kontributorju għal 40 sena minn 30 u l-pensjoni bdiet titħaddem skont l-aħjar 10 snin mill-aħħar 40 sena xogħol minflok l-aħjar tliet snin mill-aħħar 10 snin ta’ xogħol.
Imma l-istudju ta’ Formosa jmur oltrè minn hekk u jsemmi riskji u opportunitajiet oħrajn li tista’ faċilment iġġib magħha soċjetà aktar anzjana. Fost dawn hemm nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tal-anzjanità, settur illi se joffri prospetti ta’ tkabbir u kompetizzjoni fuq bażi kontinentali. Ir-rapport ta’ Formosa jgħid illi l-bżonn ta’ ħaddiema f’dan is-settur “jista’ jkun l-akbar sfida li se jiffaċċjaw is-sistemi tas-saħħa fil-futur ladarba huwa proġettat illi ż-żieda fid-domanda għax-xogħol fis-servizzi tas-saħħa se jkunu iktar mill-forniment tal-istess professjonisti.”
L-istudju jsemmi sfidi oħrajn bħal; aktar nisa anzjani li jgħixu waħedhom għal żmien itwal u li allura jkunu aktar vulnerabbli u/jew solitudni u tensjonijiet minn żbilanċ bejn il-ħin għax-xogħol (hekk kif dawk li intitolati għall-pensjoni jibqgħu f’impjieg) u l-ħin man-neputijiet.
Min-naħa l-oħra l-istudju ta’ Formosa jgħid illi hemm opportunitajiet relatati ma’ aktar produttività permezz tal-volontarjat u, ekonomikament, permezz ta’ ħolqien ta’ suq dejjem jikber imsejjaħ is-‘Silver Market’. Aktar persuni ’l fuq minn 60 sena u allura aktar nies li qed jixtru servizzi ta’ dik l-età jfisser li hemm bżonn illi s-servizz ikun dejjem jirrifletti l-bżonnijiet ta’ klijenti ta’ din l-età. Qed nitkellmu dwar servizzi li jkopru minn vaganzi sa anke proprjetà