Id-distrett tal-pajjiż imsejjaħ ‘Northern Harbour’ li hu magħmul minn Birkirkara, il-Gżira, Ħal Qormi, il-Ħamrun, l-Imsida, Pembroke, San Ġwann, Santa Venera, San Ġiljan, is-Swieqi, Ta’ Xbiex, tal-Pietà u Tas-Sliema jinkludi fih 41.4% tal-istituzzjonijiet edukattivi kollha ta’ Malta.
Dan joħroġ minn rapport dwar l-Istatistika Reġjonali ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-Edukazzjoni. Dan ir-rapport jixhed il-konċentrazzjoni tal-iskejjel, kemm tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti f’żona waħda tal-pajjiż.
Minkejja li kważi kull lokalità kellha minn tal-inqas skola primarja waħda fi ħdanha, l-istituzzjonijiet li joffru edukazzjoni post-sekondarja, vokazzjonali u terzjarja kienu iktar konċentrati f’żona waħda, jiġifieri dik ta’ madwar il-Port.
Fil-każijiet tal-iskejjel primarji u ta’ qabel il-primarja, l-istudenti baqgħu fil-maġġoranza tagħhom jattendu l-iskola fl-istess lokalità tar-residenza tagħhom, meta kienu każi ta’ skejjel tal-Gvern. Dan għaliex fil-każijiet ta’ studenti li jattendu skejjel indipendenti jew tal-Knisja, il-każ kien differenti għaliex 49.4% u 30.6% rispettivament kienu jattendu l-iskola fin-‘Northern Harbour district’, minkejja li dan mhux neċessarjament il-post fejn joqogħdu.
L-istess ħaġa tidher anke fl-edukazzjoni obbligatorja, hekk kif fl-edukazzjoni primarja u sekondarja dehret konċentrazzjoni kbira ta’ studenti f’dak id-distrett, b’ 34.5% tat-total tal-istudenti kollha tal-iskejjel Primarji, u 49.5% tal-istudenti tal-iskejjel sekondarji, imorru f’dawn il-lokalitajiet biex jattendu l-iskola.
Tal-Gvern l-iktar popolari għall-Primarja
Fil-livell tal-iskejjel primarji, l-iskejjel tal-Gvern baqgħu l-iktar popolari fost l-istudenti, b’iktar minn nofs, jew 56.3% tal-istudenti kollha tal-Primarja, jattendu tal-Gvern. Il-maġġoranza tal-iskejjel f’dan il-livell li huma jew tal-Knisja jew indipendenti kienu jinsabu fin-‘Northern Harbour District’ ukoll. Dan minkejja li ħafna mill-istudenti tal-iskejjel primarji, kienu xorta waħda jattendu fi skejjel li jinsabu fl-istess distrett ta’ fejn joqogħdu huma.
Fil-kuntest ta’ skejjel sekondarji, ix-xenarju kien kemxejn differenti minħabba li l-ammont ta’ skejjel sekondarji huwa inqas meta mqabbel ma’ dawk tal-primarja, u għalhekk kien hemm il-possibbiltà ikbar, li iktar studenti jitilqu mid-distrett fejn joqogħdu, u jmorru distrett ieħor għall-iskola. Min-naħa l-oħra, f’Għawdex, l-iskejjel kienu biżżejjed sabiex jilqgħu fi ħdanhom l-istudenti kollha tad-distrett.
Sa Marzu tal-2016, l-iskejjel li joffru edukazzjoni post-sekondarja kellhom reġistrati fihom 5,484 student, li minnhom iktar minn 80% tagħhom kienu fi skejjel immexxijja mill-istat. Il-maġġoranza ta’ dawn l-istituzzjonijiet, fil-fatt kienu jinsabu fl-istess distrett li jinkludi fost l-oħrajn il-Ħamrun, Birkirkara, Pembroke u l-Imsida. Fil-fatt, f’dan ir-rapport deher kif il-maġġoranza tal-istudenti kienu jattendu f’istituzzjonijiet fl-Imsida u fin-Naxxar. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ Għawdex, l-iskola post-sekondarja fil-Belt Victoria kienet biżżejjed sabiex takkomoda għall-bżonnijiet tal-istudenti fir-reġjun Għawdxi.
Żieda ta’ 3.6% fit-tagħlim vokazzjonali
Ir-rapport tal-NSO jitfa’ dawl ukoll fuq l-edukazzjoni vokazzjonali fil-pajjiż u jindika li matul is-sena 2015/16 ġiet reġistrata żieda ta’ 3.6% fl-istudenti meta mqabbel mal-figuri tas-sena ta’ qabel. Din it-tip ta’ edukazzjoni tinkludi fiha l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-MCAST. Minn fost dawn l-istudenti, 58.8% huma ġuvintur, u dan kuntrarjament għal dak li jiġri fl-Università ta’ Malta, bil-maġġoranza tal-istudenti jkunu mir-reġjun tan-‘North Harbour’ u tas-‘Southern Harbour’, b’26.5% u 19.9% rispettivament.
Fejn jidħol il-kulleġġ tal-MCAST, is-sena 2015/16 irreġistrat żieda ta’ 31% ta’ studenti reġistrati meta mqabbel mas-sitwazzjoni 5 snin qabel, bil-ġuvintur jiffurmaw 58.8% tal-istudenti, li huwa tnaqqis ta’ 7.9% meta mqabbel mal-figuri ta’ ħames snin qabel. Dan it-tnaqqis pattiet għalih iż-żieda li kien hemm fl-istudenti femminili.
Sitwazzjoni simili dehret fil-kuntest tal-gradwati f’korsijiet vokazzjonali, hekk kif il-ġuvintur kienu ikbar fin-numru ta’ gradwati fil-livelli kollha tal-MQF, minbarra f’dak l-iktar bażiku, jiġifieri MQF 1 u dak ta’ Diploma, jiġifieri MQF 4, meta hemmhekk, it-tfajliet kienu jammontaw għal iktar minn 50% tal-gradwati f’dak il-livell.