Appell biex l-ilma tal-pjan ikun inkluż fid-dominju pubbliku

'Ħafna nies, kemm fl-awtorità u anke le, lanqas biss jafu li hemm ilma tal-pjan, l-oriġini tiegħu, l-esplojtazzjoni u anke abbużi'

 

L-ilma għandu jkun tal-pubbliku...mhux tal-privat
L-ilma għandu jkun tal-pubbliku...mhux tal-privat

Wara l-interess qawwi li qajjem l-artiklu ppubblikat fuq dan is-sit  dwar il-provvista ta’ ilma tal-pjan li għandu dan il-pajjiż f’każ ta’ kriżi, l-illum.com.mt  reġa tkellem mal-Idrologu Marco Cremona dwar liema jara li huma ftit mis-soluzzjonijiet li dan il-pajjiż għandu jiddibatti biex dak li għad fadlilna, insalvawh minflok nitilfuh.

Cremona sostna li waħda mis-soluzzjonijiet tinsab fil-proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa dwar medded ta’ art u anke żoni li l-poplu jixtieq li jsiru dominju pubbliku, jew inkella proprjetà tal-pubbliku għat-tgawdija tiegħu, kemm illum u anke għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Cremona jappella biex l-ilma tal-pjan ikun inkluż bħala riżorsa li hija tal-pubbliku.

Mistoqsi minn din il-gazzetta x’jara li huma l-benefiċċji ta’ dan il-pass, Cremona qal li jara tliet benefiċċji partikolari. L-ewwel, aktar għarfien fost il-pubbliku dwar l-eżistenza tal-ilma tal-pjan. “Ħafna nies, kemm fl-awtorità u anke le, lanqas biss jafu li hemm ilma tal-pjan, l-oriġini tiegħu, l-esplojtazzjoni u anke abbużi li qed iseħħu fil-konfront ta’ din ir-riżorsa.”

It-tieni benefiċċju huwa li ma tibqax il-perċezzjoni “li għax borehole hija privata u li kienet imħaffra fuq art privata, anke jekk illegalment, dan jagħmel l-ilma li jittella’ minn din il-borehole tal-persuna privata, u allura l-Gvern m’għandu ebda dritt li jirregola.”

Cremona temm jgħid li jekk l-ilma tal-pjan ikun tal-pubbliku u jkun hemm qafas leġiżlattiv li jipproteġih, kif wara kollox hemm f’pajjiżi u stati li għandhom l-ilma fl-abbundanza, jinħoloq l-obbligu fuq il-Gvern li jirregolarizza din ir-riżorsa. “Il-Gvern ikollu l-obbligazzjoni legali li jassigura s-sostenibbiltà tar-riservi tal-ilma tal-pjan. Issa jekk dan isirx billi jkunu allokati kwoti, jew inkella billi l-ilma jittella’ bil-ħlas jew inkella bin-nazzjonalizzazzjoni tal-boreholes, hija xi ħaġa li trid tkun deċiża bi pjan nazzjonali tal-Ilma.” Cremona fakkar li dan il-pjan għadu ma jeżitix minkejja li kien imwiegħed fil-manifest elettorali tal-PL fl-2013.

Il-Ħadd 20 ta' Awwissu,  il-gazzetta ILLUM ppubblikat artiklu li fih Cremona jgħid kif f’każ ta’ kriżi fl-impjanti tar-Reverse Osmosis pajjiżna għandu biss 24 siegħa f’provvista tal-ilma. Cremona kien skjaċċanti fil-kritika tiegħu għall-fatt li l-pajjiż m’għandux pjan u lanqas hawn għarfien biżżejjed dwar in-nuqqas gravi ta’ din ir-riżorsa. 

More in Socjali