Il-Gvern iddeċieda li jwaqqaf il-proċess sabiex iċ-ċentru miftuħ li hemm fil-Marsa jiċċaqlaq għal Ħal Far. Dan wara reazzjoni qawwija li kien hemm mir-residenti ta’ Birżebbuġa għal din il-proposta.
Fost dawk li urew it-tħassib għal din il-proposta kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone, li kien elett mill-ħames distrett u li poġġa fuq Facebook kopja ta’ imejl li bagħat lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Fl-imejl Schiavone, li huwa deputat mill-ħames distrett, talab lill-Gvern biex jerġa’ jaħsibha għaliex ma jqisx li l-piż għandu jintefa fuq ta’ Birżebbuġa biss, bl-istess mod kif m’għandux ikun li jġorru l-piż il-Marsin biss.
Għalkemm din kienet wegħda tal-Partit Laburista fil-manifest elettorali, il-Gvern fi stqarrija ħabbar li se jwaqqaf il-proċess sakemm tinstab soluzzjoni u ma jintefax piż fuq komunità waħda biss. Il-Gvern sostna li se jibqa’ impenjat li jżomm mal-wegħda tal-manifest.
Din id-deċiżjoni waslet hekk kif nhar il-Ħadd se ssir protesta mir-residenti tal-Marsa minħabba problemi li l-immigrazzjoni ġabet f’din il-lokalitá. Marsin li tkellmu mal-Illum urew tħassib minħabba abbuż ta’ xorb u droga.