Sfurzat iħallas €12,000 f’dawl u ilma li uża ħaddieħor
ARMS Ltd akkużata b’azzjoni illegali u abbuż ta’ poter mill-Ombudsman
minn Albert Gauci Cunningham
Sid ta’ proprjetà kellu jħallas xejn inqas minn €12,000 f’kont tad-dawl u l-ilma , minkejja li hu m’għamilx użu mill-istess servizz. Dan seħħ hekk kif fl-2012 il-persuni li kienu qed jikru l-proprjetà mingħandu u li f’isimhom kien is-servizz tad-dawl u l-ilma telqu mill-kirja, ħallew il-post fi stat mill-aktar ħażin u ħallsu biss l-istimi, fuq medda ta’ tliet snin. Il-meter reader qatt ma ngħata aċċess biex ikun jista’ jieħu l-qari attwali tal-konsum.
Din is-sitwazzjoni ħalliet lis-sid jibbattalja f’kurituri burokratiċi, lill-proprjetà mingħajr servizz u lill-istess sid kostrett iħallas €12,000 f’kontijiet pendenti ta’ servizz li hu qatt ma uża. Dan il-każ, żvelat fir-rapport tal-Ombudsman ippublikat din il-ġimgħa għall-perjodu ta’ bejn Jannar u Diċembru 2016 jitfa’ wkoll dawl fuq id-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar drittijiet ta’ kerrejja u anke sidien ta’ proprjetajiet fis-suq tal-kiri. Fil-fatt din il-ġimgħa wkoll il-Malta Developers’ Association ħabbret li kienet se twaqqaf sezzjoni fi ħdanha li tagħti vuċi lil kull min huwa sid ta’ proprjetà li qed tinkera.
Talba tal-ARMS Ltd għall-ħlas mingħand is-sid, “essenzjalment kienet waħda kontra l-liġi
Fl-2009, jispjega l-istess rapport tal-Ombudsman, is-sid kera l-proprjetà tiegħu “u kien ittrasferixxa l-kont għas-servizzi tad-dawl u l-ilma f’isem il-kerrej... is-sid u l-kerrej iffirmaw formola li l-kont kien qiegħed jiġi trasferit iżda f’din il-formola ma kien hemm l-ebda provvediment għall-kontijiet mhux imħallsa mill-persuna li f’isimha jinsab irreġistrat il-kont.”
Il-kerrej kien ħalla l-proprjetà f’kundizzjoni ħażina u ma kienx informa lis-sid illi hemm bżonn li s-servizz jerġa’ jiġi f’ismu.
Minn hemmhekk is-sid kien infurmat li jekk l-kumpanija ma jirnexxilihiex tiġbor il-flus mingħand il-kerrej se ddur għandu, kif fil-fatt ġara biex f’Diċembru 2014 is-servizz kien maqtugħ mingħajr ebda avviż minn qabel.
Ir-rapport tal-Ombudsman jispjega kif wara li nqata’ s-servizz ftit li xejn seta’ jagħmel is-sid, ħlief li jħallas l-ammont b’sistema ta’ pagamenti. Dan anke jekk kien hemm arranġamenti bejn il-kerrej u l-Arms u anke jekk is-sid qatt m’għamel użu mill-istess servizz.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman kien pjuttost skjaċċanti fil-konfront tal-kumpanija Arms u akkużatha b’ ‘abbuż ta’ poter’ u b’ ‘azzjoni illegali’ meta talbet lis-sid iħallas il-kontijiet pendenti.
“Meta l-kont ġie trasferit f’isem il-kerrej inħolqot relazzjoni kontrattwali diretta bejn l-ARMS u l-kerrej. Għalhekk, kull persuna oħra, inkluż min għamel l-ilment, li huwa s-sid tal-proprjetà, isiru terzi li ma jiffurmawx parti jew m’għandhomx x’jaqsmu mal-kuntratt, u li ma kellhom ebda interess f’dak il-kuntratt. Għalhekk ma setgħux jinżammu responsabbli għall-pagament tal-ħlasijiet dovuti mill-persuna li f’isimha kien jinsab il-kont,” sostna r-rapport tal-Ombudsman. Sussegwentement qal ukoll illi l-Arms “ma setgħetx u ma kellhiex tabbuża mill-poter tagħha billi ma tagħtix lura s-servizzi li huma essenzjali u vitali u wieħed li mingħajrhom ma jistax igawdi l-proprjetà tiegħu.”
Ir-rapport tal-Ombudsman jinsisti li t-talba tal-ARMS Ltd għall-ħlas mingħand is-sid, “essenzjalment kienet waħda kontra l-liġi u ma kienet ibbażata fuq l-ebda liġi jew regolament.”
Intant dwar każi simili l-Ombudsman jisħaq illi f’kull każ l-linji li fuqhom imxiet l-Arms kienu ‘inaċċettabbli’.
Wara li l-Ombudsman qata’ l-każ u wara dawk li l-istess rapport jiddeskrivi bħala ‘negozjati fit-tul’ l-Arms kellha tħallas l-ammont sħiħ li sid il-proprjetà kien qed jitlob lura.