Kull ħames sigħat xi ħadd f'Malta jiskopri li għandu kanċer
Ħarsa ħafifa lejn il-Pjan Nazzjonali kontra l-Kanċer; il-proposti u l-miżuri
minn Albert Gauci Cunningham
Kważi tliet Maltin minn kull 10 jmutu kawża ta’ kanċer. Kull ħames sigħat xi ħadd f’Malta jiskopri li għandu l-kanċer. Qed ikun previst illi sal-2020, kull sena 2,100 persuna jinstabilha xi forma ta’ kanċer, numru li jitla’ għal 2,500 kull sena sal-2030.
Minkejja dan il-mediċina, il-kura minn kmieni u nies li qed jgħixu ħajja itwal ifisser illi llum għandna pazjenti li qed jgħixu aktar, bil-kanċer jew saħansitra lil hinn minnu.
Is-27 pajjiż tal-UE flimkien nefqu xejn inqas minn minn €117-il biljun fuq kura kontra l-kanċer.
statistika turi illi kważi 1,800 raġel minn kull 100,000 mietu meta kellhom 80 sena u aktar kawża ta’ tipjip
Ix-xahar li għadna kif bdejna, ix-xahar ta’ Ottubru kull sena huwa magħruf ukoll bħala l-‘Pink October’. Il-kulur roża jfakkar f’dawk il-persuni li għaddew mill-kanċer tas-sider li ħalla bosta nisa, imma numru ta’ rġiel ukoll vittmi. Miljuni oħrajn qed jingħataw kura, bħalissa, int u taqra dan l-artiklu..
Intant fid-dawl ta’ dan il-Gvern nieda Pjan Nazzjonali Kontra l-Kanċer. Pjan li qed iħares lejn diversi oġġettivi, fosthom ħajja aktar sana bil-promozzjoni ta’ klassijiet għall-immaniġjar tal-piż, twaqqif mit-tipjip u aktar għarfien biex tkun taf x’inhuma dawk l-affarijiet li jistgħu jikkawżaw il-kanċer.
Il-Gvern qed jipproponi li jibdew isiru klassijiet tal-immaniġjar tal-piż, partikolarment għal dawk li huma dijabetiċi, klassijiet biex persuni jieqfu mit-tipjip u kampanji biex iktar nies ikunu jafu x’inhuma l-kawżi prinċipali ta’ din il-marda.
It-tipjip, ifakkar il-pjan, huwa wieħed mill-aktar kawżi komuni li jwasslu għall-kanċer, fil-fatt statistika turi illi kważi 1,800 raġel minn kull 100,000 mietu meta kellhom 80 sena u aktar kawża ta’ tipjip. Din ir-rata hija ta’ 85 (minn kull 100,00) għal dawk ta’ bejn l-45 u 59 sena, 301 għal dawk bejn is-60 u d-69 sena u 652 għal dawk l-irġiel bejn 70 u 79 sena. Fil-każ tan-nisa ir-rata hija bil-wisq anqas.
Restrizzjonijiet u moniteraġġ
Intant, il-Pjan qed jesiġi li saħansitra jsiru restrizzjonijiet fuq ir-riklamar ta’ prodotti li jkollhom kontenut għoli ta’ zokkor u li tkun iffinalizzata u implimentata l-iStrateġija għall-Attività Fiżika.
Titjib u moniteraġġ tal-kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol li jistgħu jwasslu għall-kanċer skont id-Direttivi relevanti tal-Unjoni Ewropea.
Il-Pjan qed jipproponi wkoll li jkun hemm studji u evalwazzjonijiet mediċi tar-riskji li persuna jkollha l-kanċer skont l-istorja ta’ mard fil-familja tagħha. Dan għal skopijiet ta’ dijanjożi minn kmieni u allura prevenzjoni tal-mard. Dawk li jirriżultaw li qegħdin f’riskju akbar għandhom jingħataw għajnuna u jekk ikun hemm bżonn, investigazzjonijiet.
Infermiera li tkun taf il-każ tiegħek, mill-bidu sal-aħħar
Il-Gvern qed jipproponi wkoll li jinħoloq l-irwol ta’ infermiera partikolari, nurse navigator jew case manager, illi tkun responsabbli għall-immaniġġjar tal-kura tal-pazjent waqt id-dijanjożi u t-trattament.
Min-naħa l-oħra l-Pjan qed jesiġi li jsir taħriġ kontinwu fil-kirurgija tal-Onkoloġija dwar diversi tipi differenti ta’ kanċer. Fil-fatt il-Gvern qed jipproponi li jkun hemm, saħansitra, gruppi ta’ kirurgi speċjalizzati għal kull tip differenti ta’ tumur, bil-għan li l-esperjenza tal-pazjent u anke r-riżultati jkunu aħjar.
Il-Pjan jara wkoll illi minkejja żidiet fl-aħħar snin fil-qasam tas-saħħa u speċifikament fl-Isptar Sir Anthony Mamo, jitkompla r-reklutaġġ ta’ aktar tobba, infermieri u kirurgi. Ir-rapport ippreżentat din il-ġimgħa fil-fatt jagħmel aċċenn għall-fatt li n-numru ta’ nies li qed jaħdmu f’dan is-settur għadu wieħed baxx, meta tqabbel mad-domanda u mat-teknika iktar sofistikata li qed tintuża.
X’għandek tagħmel biex tipprevjeni l-kanċer?
- Tpejjipx
- Ħu ħsieb il-piż
- Kun attiv
- Kul ħafna frott u ħaxix u tikolx wisq laħam ipproċessat, laħam aħmar u ikel mielaħ
- Żomm ’il bogħod minn wisq xemx u uża protezzjoni
- It-treddiegħ lit-trabi jgħin għall-prevenzjoni
- Proċessi ta’ terapiji tal-ormoni jagħmlu ħsara u jistgħu jżidu l-inċidenza tal-kanċer