Editorjal | Ix-xahar ir-‘roża’ u dawk kollha li ffaċċjaw il-kanċer

Jerome, flimkien ma’ tant mijiet oħrajn, kien prova ħajja ta’ kif minkejja l-mewġ u t-toqol li jġib miegħu l-mard wieħed jista’ jgħix sal-aħħar fil-paċi u determinazzjoni li kemm idum fuq din id-dinja jipprova jbiddilha xi ftit għall-aħjar

Jerome, ħuh u ommu waqt intervista | Ritratt ta' inewsmalta.com u meħud minn Ian Noel Pace
Jerome, ħuh u ommu waqt intervista | Ritratt ta' inewsmalta.com u meħud minn Ian Noel Pace

Tajjeb li filwaqt li nkunu għaddejjin b’ħajjitna u filwaqt li aħna bħala l-midja nkunu qed nirrappurtaw affarijiet li jikkonċernaw l-aktar il-politika u l-ambizzjonijiet ta’ min irid jilħaq fejn, nieqfu u niftakru. Niftakru li eluf ta’ nies, ta’ kuljum qed jibbattaljaw biex jgħixu ħajjithom quddiem il-kurrenti tal-marda tal-kanċer.

Nhar il-Ġimgħa, il-kanċer ħasad ħajja oħra dik ta’ Jerome Frendo. Tgħidu, wieħed minn ħafna forsi x’għandu speċjali? Li kellu speċjali huwa li Jerome, flimkien ma’ tant mijiet oħrajn, kien prova ħajja ta’ kif minkejja l-mewġ u t-toqol li jġib miegħu l-mard wieħed jista’ jgħix sal-aħħar fil-paċi u determinazzjoni li kemm idum fuq din id-dinja jipprova jbiddilha xi ftit għall-aħjar.

Dan l-editorjal jixtieq isellem lill-familja Frendo u lil mijiet u eluf ta’ familji oħrajn li għandhom xi membri illi qed jiffaċċjaw l-isfida tal-mard. U minn hawn nagħtuhom kuraġġ biex ikomplu jkunu dejjem b’saħħithom, fl-għaqda sabiħa tal-familja u fil-fidi tagħhom, hi x’inhi.

Niftakru fid-deżolazzjoni li jġib miegħu l-mard, imma niftakru wkoll fl-għaqda li jġib miegħu. Is-sens ta’ familja, is-sens ta’ detereminazzjoni li tisfida kull mewġa

U qed niddedikaw dan l-editorjal hekk kif dan ix-xahar id-dinja, bir-roża, tfakkar f’dawk in-nisa kollha (imma anke xi irġiel) li għaddew jew għaddejjin minn esperjenza ta’ kanċer tas-sider.

Minkejja l-qrusa li jġib miegħu l-mard u d-dwejjaq tal-mewt, dan ix-xahar niftakru f’dawk in-nisa kollha u anke dawk in-nies kollha li kellhom jew kienu vittmi tal-kanċer. Niftakru fid-deżolazzjoni li jġib miegħu l-mard, imma niftakru wkoll fl-għaqda li jġib miegħu. Is-sens ta’ familja, is-sens ta’ detereminazzjoni li tisfida kull mewġa.

Niftakru wkoll fil-bżonn li nħarsu lejn il-mod kif ngħixu, dak li nieklu u nikkunsmaw, l-istil ta’ ħajja tagħna u kemm nagħmlu eżerċizzju. Niftakru fil-bżonn li s-settur tas-saħħa jkun dejjem imsaħħaħ bir-riżorsa umana li hemm bżonn, biex il-pazjent jibqa’ jkun fiċ-ċentru tal-istess sistema. Niftakru fil-valur imprezzabbli tal-infermiera, tat-tobba, kirurgi, speċjalisti, professjonisti u ħafna iktar nies li jaħdmu fl-isptarijiet tagħna, pubbliċi jew le. Kull sold li dan il-pajjiż jonfoq lil dawn, huwa investiment għal dawk li llum jew għada se jkollhom bżonn jużaw dan is-servizz.

Hekk kif niftakru f’dawk li għaddew mill-esperjenza tal-kanċer li kif irrapurtat fuq paġna 11, tolqot persuna kull ħames sigħat f’pajjiżna, niftakru f’dawk l-għaqdiet kollha li jagħtu minn ħinhom, mingħajr ma jistennew lura. Il-Malta Hospice Movement, il-Community Chest Fund, Europa Donna, Malta Male Cancer Awareness u bosta oħrajn li jinvestu tant biex ikunu ta’ għajnuna u ta’ soljev għal dawk l-individwi u familji li għaddejjin minn sfidi ta’ saħħa. Dan l-editorjal iselmilhom għax-xogħol mill-aktar kruċjali li jwettqu.

Il-ħajja hija sabiħa u minn dawk li kienu se jitilfuha għandna ħafna u ħafna x’nitgħallmu

Il-pass imħabbar mill-Ministeru tas-Saħħa din il-ġimgħa ta’ Pjan Nazzjonali kontra l-Kanċer, huwa definitivament wieħed fid-drirezzjoni t-tajba. Fuq paġna 11 qed nagħtu ħarsa lejn ftit mill-proposti li qed isiru u li nittamaw li ma jibqgħux fuq il-karta. Proposti għal kampanja dwar il-mod kif ngħixu, taħriġ speċjalizzat lill-kirurgi u l-infermiera, ingaġġ ta’ aktar infermieri u l-importanza ta’ aktar investiment fir-riċerka għandhom jibqgħu jkunu fost il-prijoritajiet tal-Gvern u l-poplu kollu.

Nittamaw ukoll illi kif dejjem ġara dan is-suġġett ikun trattat bl-akbar sensittività u li jkun hemm qbil politiku li dejjem u f’kull ċirkostanza jinżamm ’il bogħod mill-arena politika partiġġjana.

Matul dan ix-xahar, naħsbu f’dawk kollha li għaddew minn din l-isfida hekk kbira f’ħajjithom, niftakru f’dawk li m’għadhomx magħna u nsellmu lil dawk li għadhom. Għal mument jiswa ħafna li l-pajjiż ma jħarisx mil-lenti blu, aħmar, aħdar jew oranġjo. Imma minn dak roża. Il-ħajja hija sabiħa u minn dawk li kienu se jitilfuha għandna ħafna u ħafna x’nitgħallmu.  

 

More in Socjali