Mis-sena 2014 sad-9 ta’ Diċembru li għadda xejn inqas minn 4,218-il persuna, ivvizzjati bil-logħob tal-azzard, ‘rabtu jdejhom’ biex ma jkunux jistgħu jilagħbu. Dan huwa proċess volontarju msejjaħ ‘self-barring’ illi permezz tiegħu persuna ma tingħatax permess tagħmel użu jew tixtri servizzi relatati ma’ logħob tal-azzard.
Fl-2015 kien hemm 1,145, fl-2016 kien hemm 944 u fl-2017 kien hemm 1,103 persuni li talbu illi jkunu projbiti milli jilagħbu.
Kienet Priscilla Muscat mill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli (RGF) żvelat dan mal-ILLUM u kif fl-2014 kien hemm 1,026 persuna li talbet li tkun ipprojbita milli tilgħab.
Sostniet li “hemm min jilgħab f’okkażjoni, bħala divertita, fil-fatt l-aħħar ċifri juru illi 56% tal-Maltin xi darba jew oħra, lagħbu flus. Minn dawn iżda huma minn 1% sa 2% biss li għandhom problema serja ta’ vizzju li qed jirkibhom.”
Priscilla Muscat tiċċara illi b’logħob qed tirreferi għal kull tip; jekk hux logħob fil-Każinò, logħob onlajn, lotteriji u kull tip ta’ logħob ieħor li jinvolvi l-flus.
L-intervista sħiħa ma’ Priscilla Muscat se tiġi ppubblikata għada.