Il-fondazzjoni Qalb it-Tfal flimkien mal-ħaddiema fit-Taqsima tal-Kura Intensiva Pedjatrika tat-Trabi tat-Twelid (NPICU) fl-isptar Mater Dei fasslu programm tal-appoġġ bażiku għall-ħajja (Basic life support) fl-NPICU li joffri gwida lil ġenituri ġodda kif jistgħu jeżaminaw lit-trabi tagħhom u jgħinhom b’miżuri li jridu jittieħdu f’każijiet meta trabi jkunu qed jifgaw jew kif jingħata s-CPR.
Sabiex ikun jista’ jsir dan il-programm il-fondazzjoni xtrat sitt mankini, tnejn minnhom speċjalizzati għall-professjonisti filwaqt li l-erbgħa l-oħra għat-tagħlim fost tal-istaff u l-pubbliku in ġenerali. Il-manikini nxtraw permezzi ta’ attivitajiet għall-ġbir tal-fondi organizzati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u sponsors mill-kumpaniji Prohealth, Ganado Advocates, il-fondazzjoni ta’ Blevins Franks u donazzjonijiet oħra li waslu mill-pubbliku.
Flimkien mat-taqsima NPICU u t-taqsima Medical Illustration fl-isptar Mater Dei, il-fondazzjoni Qalb it-Tfal se tkun qed tniedi sensiela ta’ filmati u fuljetti informattivi sabiex jedukaw lill-ġenituri ġodda fuq ‘basic life support skills’ lil li jistgħu jagħtu lil uliedhom. Il-fondazzjoni Qalb it-Tfal tinsab impenjata li tkompli taħdem sabiex tgħin u tagħti l-appoġġ lil tfal fil-bżonn u oħrajn vulnerabbli fis-soċjetà.
Għalkemm ukoll fost il-miri tagħha hemm li matul l-ewwel tliet tas-sena tipprovdi ‘counselling’ u servizzi psikoloġiċi lill-ġenituri u l-istaff fit-taqsima tal-NPICU u tixtri jew tikri appartament fejn il-familji jkunu jistgħu joqogħdu sabiex ikunu qrib ta’ uliedhom waqt li jkunu fl-NPICU. Filwaqt li se tgħin lit-tfal kollha fil-bżonn, matul din is-sena tkun qed issaħħaħ il-ħidma tagħha fost tfal li qed ibatu minħabba problemi soċjali.