Xemx wisq sabiħa...u ma konniex neqsin minnha matul Jannar

L-Uffiċċju Metereoloġiku jikkonferma li x-xahar li għadda kien wieħed xott u b'temperaturi iktar għoljin minn normal

Jannar beda s-sena 2018 b’temperaturi kemxejn ogħla min-normal u ’l fuq minn sitt sigħat ta’ xemx aktar milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena.  
It-temperatura tal-arja għall-ewwel xahar tas-sena varjat bejn it-temperatura massima għal Jannar ta’ 19.2°C u dik l-aktar baxxa ta’ 7°C. It-temperatura massima medja ta’ 16.9°C qabżet in-norma klimatika b'1.3°C, filwaqt li t-temperatura minima medja kienet 1.6°C ogħla minn dik mistennija ta’ 9.9°C. 
Il-baħar kien aktar sħun ukoll, u żamm temperatura medja tal-wiċċ ta’ 16.5°C, meta mqabbla man-norma klimatika ta’ 15.8°C. Dawn it-temperaturi ogħla mill-medja kienu akkumpanjati minn total ta’ 169.1 siegħa ta’ xemx u kopertura medja tas-sħab ta’ 4 oktas,  li żguraw li l-gżejjer gawdew minn temp xemxi anki f’nofs listaġun tax-xitwa.  

Filwaqt li x-xemx ma ħarġet xejn fil-15 ta’ Jannar, jumejn wara sirġet għall-massimu tax-xahar ta’ 9.3 sigħat. Dan huwa aktar mis-sigħat ta’ xemx totali mkejlin f’ċerti bliet fi Franza fl-ewwel nofs sħiħ tax-xahar ta’ Jannar.  
Filwaqt li l-gżejjer ma kinux neqsin mix-xemx, ix-xita kienet storja oħra. It-total ta’ xita li niżel f’Jannar ammonta għal biss 13.3mm, jiġifieri 79.6mm anqas milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena. Fil-fatt, ix-xahar kien l-aktar Jannar xott li esperjenzaw il-gżejjer f’dan l-aħħar deċennju.  
Kważi nofs it-total ta’ xita ta’ Jannar – eżattament 6.4mm – kien imkejjel fit-tnax-il jum tax-xahar. F’dan il-jum niżlu wkoll ħalbiet ta’ xita bis-silġ.  

 
 

More in Socjali