
Mill-Kurċifiss mirakoluż għad-Duluri: Il-Ġimgħa l-Kbira fil-Belt Valletta
...Nhar il-Ħadd li ġej il-gazzetta ILLUM tintervista lil tnejn minn nies li huma l-moħħ wara l-attivitajiet tal-Ġimgħa l-Kbira f'Ta' Ġieżu
minn Clifford Galea

Żmien ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa fil-Belt Kaptali żgur li huwa marbut sew mal-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, magħrufa aħjar bħala Ta’ Ġieżu. Mal-bidu ta’ dan iż-żmien qaddis tas-sena, dritt wara li jintemmu ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival, fis-skiet u l-paċi li wieħed isib fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, fit-turġien ta’ Triq San Ġwann, ’l isfel minn Triq San Pawl, jibdew mill-ewwel it-tħejjijiet għaż-żmien liturġiku tal-knisja li jfakkar l-ikbar ġrajjiet fl-istorja tas-salvazzjoni – l-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej. Din il-knisja Beltija tibqa’ msemmija u magħrufa għal tliet elementi marbuta ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet – is-Salib mirakuluż, l-istatwa tad-Duluri u l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
L-istatwi li jfakkru l-misteri tat-tbatija ta’ Sidna Ġesù jintrefgħu fl-Oratorju li jinsab biswit il-kunvent tal-Patrijiet Minuri u waħda differenti kull ġimgħa, tittieħed fil-Knisja msemmija u titqiegħed taħt in-nava skont l-ordni tal-ġrajja tal-Passjoni tal-Mulej.
It-tħejjijiet għall-Ġimgħa l-Kbira jibdew propju mill-ġurnata tal-Erbgħa tal-Irmied - Ras ir-Randan.
Żgur li l-attrazzjoni ewlenija ġo dan is-santwarju huwa l-kurċifiss impressjonanti u mirakuluż li ġie skolpit mill-Franġiskan Sqalli Fra Umile Pintorno fl-1630. Dan il-Kurċifiss ġibed lejh devozzjoni kbira u qawwija mhux biss tal-Maltin imma anke ta’ barranin li jżuru l-knisja. Huwa wkoll dan l-istess kurċifiss li ta l-isem lill-Arċikonfraternità li tieħu ħsieb l-artal tiegħu u dak kollu li huwa relatat maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Passjoni tal-Mulej.
Minbarra li torganizza l-purċissjonijiet tad-Duluri u tal-Ġimgħa l-Kbira, l-istess Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss tieħu ħsieb ukoll torganizza kull sena l-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes nhar il-Ħadd wara l-14 ta’ Settembru.

Din il-fratellanza titmexxa minn tliet kummissarji li flimkien ma’ għadd ta’ fratelli u membri jieħdu ħsieb li minn sena għal oħra ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa jiġu organizzati b’serjetà u b’dedikazzjoni.
Huma madwar 400 ruħ li jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Belt, li wara dik tar-Rabat, organizzata minn Knisja mmexxija mill-istess patrijiet Franġsikani, hija waħda mill-eqdem f’Malta. Għalkemm il-ġrajja tal-Passjoni hija waħda marbta mad-djieqa u n-niket, il-purċissjoni Beltija hija wkoll waħda ħajja b’manifestazzjoni ta’ kostumi bibliċi kkuluriti li jalternaw bejn l-istatwi artistiċi li juru xeni mit-tbatija u l-mewt tal-Mulej. Uħud mill-istatwi li ġew skolpiti minn statwarji magħrufa bħal Saverio Laferla u Pietru Pawl Azzopardi, imorru lura għas-snin bejn l-1730 u l-1830.
Għal 140 sena, sa mis-sena 1878, din il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tkun akkumpanjata mat-triq mill-banda tas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette. Il-banda hija infatti sinonima ma’ dan l-appuntament annwali fil-Kapitali. Il-mibki kittieb u storiku Franġiskan, Patri George Aquilina kien sab xi dokumenti dwar din il-purċissjoni li kienu juru li l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira minn Ta’ Ġieżu fil-Belt, diġà kellha xi forma ta’ sehem mużikali fiha sa mis-sena 1673.
Filwaqt li l-Banda La Vallette iddoqq siltiet li jikkonsistu f’marċi funebri, il-Brigata tas-Subien u Bniet Salesjani jħabbtu t-tamborlini tagħhom u jdoqqu l-fifra biex jikkreaw ir-ritmu ta’ marċ b’pass meqjus u joħolqu atmosfera solenni denja għal din il-purċissjoni.
Fl-antik, l-istatwi tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Belt kienu jinġarru fuq l-ispallejn tal-barklora u l-uffiċċjali tad-dwana, li kienu fost l-aqwa benefatturi tal-Arċikonfraternita tas-Ssmu Kurċifiss, b’kontribuzzjonijiet ta’ somom kbar ta’ flus għall-ispejjeż tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Fatt kurjuż u interessanti relatat mal-purċissjoni tal-Belt hija li r-reffiegħa tal-istatwi jieqfu bihom biss meta jaslu f’salib it-toroq u qatt fil-mixja ta’ bejn triq u oħra. Fil-każ tal-Belt dan huwa possibbli peress li t-toroq kollha huma bi dritt xulxin.

Tradizzjoni oħra li hija marbuta ma’ ħafna purċissjonijiet simili f’Malta u Għawdex, imma li fil-każ tal-Belt issir b’dedikazzjoni kbira, hija dik relatata mat-tiżjin ta’ fjuri friski ma’ kull statwa b’mod li jintużaw l-isbaħ fjuri b’kuluri differenti għal kull statwa.
Karatteristika oriġinali hija dik marbuta mal-ġarr tal-istatwa ta’ Kristu mejjet magħrufa bħala l-Monument li fil-każ tal-Belt tinġarr minn erba’ reffiegħa mgħottija bil-faldrappa tal-bellus li tinżel minn mal-bradella tal-urna. Hija persuna oħra apposta li min-naħa ta’ barra tiggwida u tagħti l-ordnijiet u d-direzzjonijiet lir-reffiegħa għal waqt l-irfigħ u l-mixi.
Tradizzjoni oħra li sfortunatament tmewtet mas-snin kienet dik tal-purċissjonijiet li kienu jsiru kull nhar ta’ Ġimgħa matul ir-Randan, bi tħejjija għall-Ġimgħa l-Kbira. L-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss kienet torganizza purċissjoni nhar ta’ Ġimgħa kull darba b’waħda mit-tmien statwi differenti tal-Passjoni. Il-purċissjoni kienet iddur mat-toroq tal-Belt u l-ewwel waħda dejjem kienet tkun dik bl-istatwa ta’ Ġesù fl-Ort tal-Ġetsemani.
Illum il-ġurnata l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira toħroġ mill-Knisja u tinżel it-turġien li jwassluha sa Strada Sant’Ursola. Minn hemm tgħaddi minn Triq San Kristofru, Triq il-Merkanti, Triq Melita, tinżel minn Triq San Pawl u lura lejn il-Knisja min-niżla tat-taraġ ta’ Triq San Ġwann. Din l-aħħar parti, wara l-għejja tad-dawra tal-purċissjoni hija l-ikbar sfida għar-reffiegħa li jkollhom iniżżlu ħafna mill-istatwi fuq l-idejn minħabba l-pendil ’l isfel li jikkawżaw t-turġien.
Minkejja x-xogħol u tħejjijiet kollha li fiha, għal ħafna Beltin u mhumiex, li tmur tara l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-Belt qisek mort fuq żjara sal-Art Imqaddsa.
Fl-istess Knisja ta’ Ġieżu nsibu wkoll devozzjoni kbira lejn Marija Addolorata, magħrufa aħjar bħala d-Duluri, li tintwera l-iktar fil-manifestazzjoni ta’ eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin li kull sena jmorru l-Belt biex jimxu wara l-istatwa fil-purċissjoni nhar il-festa tagħha.
Id-devozzjoni lejn id-Duluri f’Malta għandha għeruq fil-fond ħafna. Il-Knisja tiċċelebra id-Dulur ta’ ommna Marija darbtejn fis-sena, fil-15 ta’ Settembru kif ukoll ġimgħa qabel il-jum tal-Ġimgħa li aħna l-Maltin tant tajjeb insejħu bħala l-Kbira. F’dawn il-jiem eluf ta’ Maltin iterrqu wara x-xbiha tal-Addolorata bl-akbar qima fil-ġabra tat-talb kif ukoll biex jwettqu l-wegħdi tagħhom.

Jingħad li din it-tifkira bdiet fis-seklu 15 f’Cologne fil-Ġermanja bħala tpattija tal-ereżija ta’ John Hus. Fil-bidu tas-seklu sbatax din id-devozzjoni qabdet fi Franza u kienet magħrufa bħala Dominae Pietate. Kien il-Papa Benedittu XIII meta nhar it-22 ta’ April 1725 ordna li din il-festa kellha tkun iċċelebrata mill-Knisja Universali. Minn hawn kompliet tinxtered aktar din il-qima lejn id-Duluri. Fi Spanja, partikolarment fi Granada bdiet tissejjaħ bħala Nuestra Senora de Las Agustas u f’postijiet oħra kienet magħrufa wkoll bħala Nuestra Senora de Solidad biex tfakkar is-solitudni tal-Madonna. Aktar tard il-Papa Piju VII wettaq riforma fil-kalendarju liturġiku u rreġistra d-data tal-15 ta’ Settembru bħala jum it-tifkira ta’ Marija Addolorata fl-1814.
Id-devozzjoni lejn id-Duluri wasslet ukoll biex f’Malta bdew jitwaqqfu għadd ta’ Fratellanzi madwar l-ibliet u l-irħula tagħna. L-ewwel Konfraternità tad-Duluri twaqqfet f’Ħal-Għaxaq fl-1684. Fil-Belt Valletta nsibu li twaqqfet fit-12 ta’ April 1765 bl-isem ta’ Pia Sodalità Dell’Addolorata.

Nhar il-Ħadd segwi l-intervista tal-gazzetta ILLUM ma' Ryan Catania u Keith Scicluna, żewġt'irġiel Beltin li l-passjoni tagħhom hija l-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

