Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qal li għadu kif ġie ppreżentat bil-konsiderazzjonijiet tal-Imħallef Philip Sciberras permezz ta’ rapport ta’ inkjesta dwar il-każ ta' tifla ta' tmien snin li tilfet ħajjitha matul il-lejl tal-Ħadd, 21 ta’ Jannar 2018.
Il-Ministeru huwa kommess li jippubblika dan ir-rapport ta’ inkjesta fl-iqsar żmien possibbli, però minħabba li għaddejja inkjesta maġisterjali separata, ittieħed parir legali mingħand l-Avukat Ġenerali dwar meta għandha tiġi ppubblikata din l-inkjesta. Fid-dawl ta’ dan il-parir, il-pubblikazzjoni se tkun posposta sakemm tintemm l-inkjesta maġisterjali. Dan bl-għan li l-inkjesta maġisterjali, li l-proċess tagħha għadu ma ntemmx, ma tkunx preġudikata jew b’xi mod influwenzata.
Madankollu, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali se jkun qed jieħu konsiderazzjoni tal-kontenut tal-imsemmija inkjesta fejn jidħlu materji ta’ natura amministrattiva b’ mod immedjat.
Fil-Parlament il-Ministru tal-Familja Michael Falzon kien qal li tifla mietet minħabba kundizzjoni rari u mhux minħabba li ma kienetx tiekol biżżejjed.