Il-Ministru Josè Herrera ħabbara avvanz ewlieni ieħor fil-ħarsien, fil-kura u fir-riabilitazzjoni ta’ annimali slavaġġ protetti msejħa wildlife, fejn għall-ewwel darba se jkollna wildlife rescue ambulance u pakkett finanzjarju li jiżguraw kura veterinarja professjonali għall-annimali protetti bħal: qniefed, ballotri u rettili filwaqt li jissaħħaħ ix-xogħol fuq annimali bħal: dniefel, baleni u fkieren tal-baħar.
Il-Ministru Herrera qal li l-ftehim iffirmat bejn ERA u Nature Trust jammonta għal madwar €30,000, u hu maħsub biex jiġu kkurati annimali protetti midruba jew morda minn veterinarji kif ukoll għar-riabilitazzjoni tal-istess annimali biex jerġgħu jiġu rilaxxati fis-selvaġġ.
Spjega li dan se jwassal għall-ewwel qafas għall-kura ta’ annimali mhux domestiċi u jsaħħaħ ix-xogħol ta’ Nature Trust li fl-istess waqt se tgħin lil ERA biex tieħu ħsieb annimali protetti (qniefed, pippistrelli, rettili differenti u annimali oħrajn aktar rari jew mhedda bħal: ballotri jew friefet il-lejl), kif ukoll annimali tal-baħar (fkieren tal-baħar, dniefel u baleni). Dan il-ftehim ma’ ERA għandu jikkontribwixxi għal aktar tagħrif dwar l-impatt ta’ marine litter fuq l-annimali, pereżempju l-fkieren tal-baħar.
Il-Ministru Herrera qal li permezz tal-iskema ta’ fondi ambjentali, Nature Trust ingħatat €10,000 biex tixtri l-ambulanza li tintuża għal wildlife rescue, biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu attwati l-pjanijiet ħalli jiġu mħarsa aħjar il-biodiversità u l-ispeċi ta’ pajjiżna.