Is-saħħa mentali: L-aħħar kontribut ta’ Christa qabel l-inċident fatali

Ftit aktar minn sena qabel ma mietet, Christa Formosa kitbet it-teżi tagħha fuq dak li jgħaddu minnu t-tfal ta’ ġenituri bi problemi ta’ saħħa mentali. Yendrick Cioffi jagħti ħarsa lejn it-teżi u x-xewqat ta’ Christa għal dan is-settur

Christa Formosa
Christa Formosa

Ħafna drabi, persuna li tiġi nieqsa tibqa’ mfakkra għal xi ħaġa li tkun għamlet. Min jibqa’ mfakkar għal xi ktieb li kiteb, għal xi organizzazzjoni li waqqaf jew għal xi kanzunetta li kanta.

Ftit aktar minn xaharejn ilu, Christa Formosa, mudella ta’ 23 sena, tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku. Ma sħabha tibqa’ mfakkra għall-karattru u t-tbissima li kellha. Għal min ma kienx jafha, il-gazzetta ILLUM tixtieq li tfakkarha permezz tat-teżi li kitbet biss ftit xhur qabel mietet, anke għax nemmnu li t-tema li għażlet hija importanti u dwarha fadal ħafna xi jsir.

Qabel iggradwat bħala ħaddiema soċjali, Christa kitbet it-teżi tagħha fuq l-esperjenza li jgħaddu minnha dawk it-tfal li xi ħadd mill-ġenituri tagħhom ikollu problema ta’ saħħa mentali.  Hija stess tgħid li kienet ilha snin thewden fuq dan is-suġġett, u kif sabet ċans ma qagħditx b’idha fuq żaqqha iżda kienet hi stess li esplorat din il-kwistjoni.

Fost waħda mill-konklużjonijiet li għamlet, Christa tisħaq fuq il-bżonn li dawn it-tfal jibdew jingħataw aktar għajnuna professjonali mhux biss biex ikollhom l-appoġġ iżda biex jifhmu aħjar il-kundizzjoni ta’ ommhom jew missierhom għax hekk ikunu jistgħu jaddattaw aħjar għas-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom.

Fl-introduzzjoni għat-teżi, hija stess tikteb li ħafna drabi l-attenzjoni tingħata biss lill-persuna li tkun qed tbati minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali u ftit li xejn tingħata attenzjoni lill-qraba, speċjalment lit-tfal.

“Is-saħħa mentali ma taffettwax biss lill-individwu iżda lill-familja kollha. Minkejja dan, l-attenzjoni ġeneralment tingħata biss lill-persuna li tkun qed tbati minn saħħa mentali u l-familjari ma tantx jingħataw attenzjoni,” kitbet Christa. “It-tfal ta’ dawn il-persuni jista’ jkun li jkollhom bżonn numru ta’ servizzi biex ikunu kapaċi jilħqu ċertu bżonnijiet li minħabba din l-esperjenza ma jkollhomx.”

B’kollox Christa tkellmet ma’ ħames persuni. Erbgħa minnhom huma adulti li meta kienu tfal kellhom xi ħadd mill-ġenituri li jbati minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali. Persuna oħra kellha r-raġel ibati minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali u li tkellmet dwar l-effetti li l-kundizzjoni tal-eks raġel tagħha kellha fuq it-tfal.

Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet li Christa waslet għalihom f’dan l-istudju:

‘Meta persuna tfittex l-għajnuna, se tibbenefika l-familja kollha’

Mhux faċli li wieħed jaċċetta jew ifittex l-għajnuna meta jkun qed ibati minn problema ta’ saħħa mentali, aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra l-istigma li għadha teżisti fuq dan is-suġġett.

Dwar dan tkellmet ukoll Christa, u saħqet kif anke l-parteċipanti stess qalulha li meta l-problema kienet aċċettata u indirizzata, il-familja kollha ħassitha aħjar anke għax il-ġenitur jidher qed jagħmel kambjament.

Anke b’referenza għal studji li saru qabel, Formosa tispjega kif meta l-kundizzjoni tkun aċċettata, kemm mill-persuna u anke mill-qraba stess, ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal tmur għall-aħjar.

L-istigma tibqa’ l-akbar barriera

Nisimgħu ħafna dwar l-istigma li teżisti fuq is-saħħa mentali u dwarha tkellmet ukoll Christa Formosa.

Waqt li kompliet titkellem fuq l-importanza li l-kundizzjoni tkun aċċettata spjegat li dan mhux dejjem ikun faċli, aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra li l-istigma li teżisti dwar is-saħħa mentali.

Ikkwotat studji li jisħqu kif l-istigma ma taffettwax biss il-persuna li tbati minn saħħa mentali iżda jista’ jkollha effett negattiv fuq il-familja kollha, fosthom problemi emozzjonali u anke diskrimazzjoni soċjali.

Il-parteċipanti stess, li għaddew minn din il-problema, jgħidu ċar u tond li minħabba l-istigma li teżisti, persuna tispiċċa żżomm pass lura milli taċċetta l-kundizzjoni, aħseb u ara kemm hu aktar diffiċli li tfittex l-għajnuna.

Formosa tikkwota persuna partikolari li tispjega kif ir-raġel tagħha qatt ma ried jaċċetta li jmur Monte Karmeli għax kien jikkunsidra dan bħala tabù.

L-appoġġ familjari huwa importanti
L-appoġġ familjari huwa importanti

Ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied

Mill-intervisti li wettqet, Christa spjegat kif ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied kienet tiddependi fuq kemm it-tfal jifhmu l-kundizzjoni li minnha jkun għaddej il-ġenitur.

Dan apparti li l-karattri differenti tal-aħwa jistgħu jaffettwaw għax mhux kulħadd iħares lejn kundizzjoni bl-istess mod.

F’din it-taqsima tat-teżi, Christa tesplora d-diffikultajiet li affaċjaw dawn it-tfal, kemm għax mhux dejjem kienu jifhmu l-aġir tal-ġenitur, għax mhux dejjem sabu fuq min iduru u anke minħabba l-biża’ (li ħakmet lil xi wħud) li l-ġenitur jerġa’ jaqa’ koppi meta l-kundizzjoni kienet indirizzata u kkontrollata.

Christa tinnota xi ħaġa partikolari wkoll għaliex il-persuni li intevistat, kollha kemm huma esprimew kif iħossuhom li mmaturaw qabel tfal oħra. Din il-konklużjoni ħarġet ukoll fi studji li saru minn diversi akkademiċi oħra.

Minkejja dawn id-diffikultajiet kollha, Christa Formosa tispjega kif anke dawn il-ġenituri kienu kapaċi joffru pariri tajba lil uliedhom, anke jekk studji li saru qabel mhux dejjem ikkonfermaw dan.

L-appoġġ familjari huwa importanti

Tema oħra li identifikat Christa kienet l-importanza tal-appoġġ li toffri l-familja u kemm dan huwa importanti biex bħala familja jkampaw mas-sitwazzjoni.

“L-appoġġ fil-familja huwa importanti biex ġenitur bi problema ta’ saħħa mentali jkampa mas-sitwazzjoni u jkun kapaċi jgħix b’kumdità,” tikteb Christa.

Formosa sabet ukoll kif f’dawk il-familji fejn hemm preżenti ż-żewġ ġenituri, l-aktar persuna “bi kwalitajiet b’saħħithom”, x’aktarx se tkun il-mara jew ir-raġel tal-persuna b’kundizzjoni ta’ saħħa mentali.

Iżda, meta jkun hemm ġenitur wieħed nieqes, huma t-tfal li jieħu dan l-irwol u joffru l-appoġġ mhux biss lill-ġenitur, iżda lill-kumplament tal-familja.

Christa tisħaq fuq l-importanza li t-tfal jifhmu l-kundizzjoni tal-ġenituri
Christa tisħaq fuq l-importanza li t-tfal jifhmu l-kundizzjoni tal-ġenituri

Rabja, frustrazzjoni , konfużjoni, uġigħ u mistħija

Fid-dawl ta’ dak li ddiskutiet Christa u anke minn studji li saru qabel, jidher li tfal ta’ ġenituri bi problemi ta’ saħħa mentali normalment iħossuhom iffrustrati, irrabbjati u konfużi minħabba s-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha, partikolarment meta jiġu biex jifhmu l-kundizzjoni tal-ġenituri.

“Irriżulta li ħadd qatt ma poġġa bilqiegħda u spjega lil dawn it-tfal dak li kienu għaddejjin minnu l-ġenituri, ir-reazzjonijiet jew kwalunkwe sintomu pożittiv ta’ din il-kundizzjoni,” kitbet Formosa. “Minħabba f’hekk dawn it-tfal spiċċaw iħossuhom konfużi, irrabbjati u frustrati minħabba l-ġenituri.”

Waħda mill-parteċipanti f’dan l-istħarriġ tispjega kemm ħassitha frustrata meta kienet qed tgħix f’dar residenzjali, ’il bogħod minn ommha li ma kienet qed tirċievi l-ebda kura.

Tkompli tippreżenta dak li għaddew minnu parteċipanti meta bdew jinnotaw lill-ġenituri tagħhom jaġġixxu b’mod differenti u kkwotat studju akkademiku biex issostni l-argument tagħha, jiġifieri li t-tfal iħossuhom konfużi meta ma jifhmux il-kundizzjoni li jkun għaddej minnha xi ħadd mill-ġenituri.

Dawn huma biss ftit mill-emozzjonijiet li ssemmi Christa, hekk kif fost oħrajn issemmi wkoll l-uġigħ li jħossu t-tfal meta ma jifhmux il-komportament ta’ dawn il-ġenituri.

L-esperjenza fl-iskola u l-problemi finanzjarji                                       

In-nuqqas t’appoġġ familjari jaffettwa wkoll l-andament tat-tfal fl-iskejjel u anke r-riżultati li jiksbu

Dan ma qalitux biss Christa, iżda huwa frott studju li sar qabel. Meta t-tfal ma jsibu lil ħadd fuq min iduru, x’aktarx li dan se jaffetwa l-esperjenza tagħhom fl-iskola u anke r-riżultati akkademiċi.

Uħud minn dawk li tkellmu ma’ Christa, b’mod partikolari dawk li kienu jgħixu ma’ ġenitur wieħed u li kien ibati minn problema ta’ saħħa mentali, spjegaw kif l-esperjenza tagħhom fl-iskola ma kinitx xi waħda pożittiva, aktar u aktar minħabba l-bullying.

Fil-każi kollha li ltaqgħet magħhom Christa, il-familji esperjenzaw ukoll xi forma ta’ problema finanzjarja. Diversi studji, anke minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WHO u l-MHFA sabu li hemm rabta bejn il-problemi finanzjarji u l-familja fejn wieħed mill-ġenituri jbati minn saħħa mentali.

L-għajnuna li jsibu l-ulied

Minkejja li diversi studji wrew kif ulied ġenituri bi problemi ta’ saħħa mentali għandhom jingħataw l-għajnuna kollha neċċessarja biex ikampaw mas-sitwazzjoni li jinsabu fiha, il-parteċipanti tagħha ftit li xejn irċevew għajnuna professjonali.

Spjegat kif aktar u aktar meta l-ulied kienu jgħixu maż-żewġ ġenituri, inqas sabu għajnuna professjonali.

“Qatt ma sar assessjar  ta’ dawn it-tfal, la minn ħaddiem soċjali u lanqas minn professjonist ieħor,” saħqet Christa. “Il-professjonisti kienu involuti biss meta kienu l-klijenti stess li talbu l-għajnuna.”

Hija qalet dan waqt li kkwotat akkademiċi li kitbu dwar l-importanza li l-familja kollha tkun involuta fl-ippjanar biex il-familja tkampa ma’ kundizzjonali ta’ saħħa mentali li jkun għaddej minnha ġenitur.

Tinnota wkoll kif minkejja li jeżistu servizzi, anke fl-iskejjel stess, il-parteċipanti qatt ma fittxewhom u x’aktarx li din hija t-tendenza fost it-tfal kollha f’sitwazzjonijiet simili.

Il-konklużjonijiet ta’ Christa

  • L-aċċettazzjoni tal-kundizzjoni mill-ġenitur twassal biex wieħed ifittex l-għajnuna, jikkontrolla l-problema u joffri ambjent aktar stabbli għat-tfal
  • Aħwa li jaċċettaw u jifhmu l-kundizzjoni tal-ġenitur jiżviluppaw relazzjoni aktar b’saħħitha mal-omm jew il-missier
  • Ġenitur bi problema ta’ saħħa mentali xorta jkun hemm għall-ulied
  • F’dawk il-familji b’ġenitur wieħed u li jbati minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali, it-tfal kellhom ikunu aktar b’saħħithom biex joffru l-appoġġ huma fil-familja
  • It-tfal b’ġenituri li jbatu minn saħħa mentali jimmaturaw qabel
  • Tfal b’ġenitur wieħed bi problemi ta’ saħħa mentali x’aktarx li se jsibuha aktar diffiċli biex ikampaw fl-iskola
  • Dawn il-familji kollha x’aktarx se jesperjenzaw problema finanzjarja
  • It-tfal li ma jifhmux il-kundizzjoni tal-ġenitur tagħhom se jbatu aktar emozzjonalment
  • Ħafna mit-tfal ma jingħatawx għajnuna professjonali biex ikampaw mas-sitwazzjoni

Christa tisħaq li s-saħħa mentali ma taffettwax biss individwi iżda familji
Christa tisħaq li s-saħħa mentali ma taffettwax biss individwi iżda familji

It-testment ta’ Christa

Bħalma jiġri f’kull teżi oħra, l-istudenti jintalbu jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal studji oħra li jistgħu jsiru fil-futur.

Minħabba l-limitu tal-kliem, Christa ma setgħetx tinkludi kollox fit-teżi. Issemmi fost oħrajn li xtaqet titkellem ukoll ma’ ħaddiema soċjali dwar is-servizzi offruti lil dawn il-familji, speċjalment it-tfal. Għalhekk tirrakkomanda li jsir studju dwar dan.

Fid-dawl tal-istudju tagħha, Christa tipproponi li:

  • Tibda tingħata għajnuna lill-familja kollha biex l-interessi tat-tfal ikunu mħarsa. Christa tisħaq li anke meta ż-żewġ ġenituri huma preżenti, it-tfal għandhom ikunu assessjati, biex jekk ikun hemm bżonn jingħataw is-servizzi li għandhom bżonn, anke jekk għajnuna psikoloġika.
  • Żewġ jew mart il-persuna li tkun tbati minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali għandu jingħata jew tingħata l-għajnuna kollha, anke biex dawn jifhmu aħjar il-kundizzjoni tas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom u jkunu jistgħu jkampaw aħjar u jgħinuhom fejn ikun hemm bżonn.
  • Jekk it-tfal jiddaħħlu f’djar residenzjali, il-ġenitur, speċjalment jekk jgħix waħdu, għandu jingħata l-għajnuna kollha neċċessarja. Christa ssemmi l-għajnuna li ħaddiema soċjali jistgħu joffru lil dawn il-ġenituri biex jitgħallmu ħiliet ġodda biex jieħdu ħsieb id-dar u anke kif iqassmu l-flus. “Dan iżid iċ-ċans li ġenitur jikkontrolla l-kundizzjoni u anke jżid il-possibilità li jżur jew iżżur lit-tfal u ’l quddiem jerġgħu jingħaqdu flimkien.
  • F’każi aktar ikkumplikati, Christa Formosa tipproponi li jkun assenjat aktar minn ħaddiem soċjali wieħed għax perspettivi differenti jistgħu jwasslu għal soluzzjoni aħjar.
  • Stipendju aħjar għat-tfal b’ġenituri li jbatu minn problema ta’ saħħa mentali u anke ‘saving plan’ għat-tfal fid-djar residenzjali
  • Aktar tagħlim fl-iskejjel dwar il-problemi ta’ saħħa mentali li jkunu jinkludu wkoll attivitajiet li jqajmu kuxjenza, l-istess kif isir dwar id-droga u l-vizzju tal-alkoħol.
  • Tfal ta’ ġenituri bi problemi ta’ saħħa mentali għandhom jingħataw għajnuna ta’ counselling fl-iskejjel u li dan is-servizz ma jkunx ibbażat fuq għażla tal-istudent.
  • Il-parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità għandu jkun estiż ukoll għal dawk il-persuni li jbatu minn kundizzjoni ta’ saħħa mentali. “Anke jekk kapaċi jimxu, biex isibu parkeġġ vojt jista’ jkun frustranti ħafna għal dawn l-individwi,” tisħaq Christa.

Christa tikkonkludi billi tisħaq li fuq kollox, l-aktar ħaġa importanti hija li s-saħħa mentali ma tibqax xi ħaġa tal-mistħija, iżda li jkun hawn dibattitu aktar fil-miftuħ anke dwar il-fatt li kundizzjoni ma taffettwax biss individwi, iżda familji.

More in Socjali