F'Mejju; Kellna inqas xemx u aktar riħ
It-temperatura medja laħqet l-20˚C u tal-baħar 19˚C
More in Socjali
It-temperatura medja laħqet l-20˚C u tal-baħar 19˚C
F’Mejju t-temp kien ġeneralment sabiħ, bit-temperatura medja tal-arja tilħaq l-20.3˚C, it-temperatura medja tal-baħar tilħaq id-19.3˚C u medja ta’ disa’ sigħat ta’ xemx kuljum.
L-aħħar weekend tax-xahar kien partikolarment sajfi, bil-25 ta’ Mejju jgawdi minn massimu ta’ 12.9 sigħat ta’ xemx u t-temperatura tal-arja tilħaq il-massimu għax-xahar ta’ 28.5˚C jumejn wara. Minnaħa l-oħra, it-temperatura minima l-aktar baxxa għal Mejju niżlet għal 12.8˚C fl-ewwel Ħadd taxxahar.
Filwaqt li f’Mejju x-xemx ħarġet għal 279.6 sigħat, dan it-total kien 19.5 sigħat anqas minn dak mistenni għal dan iż-żmien tas-sena. L-aktar jum mudlam tax-xahar kien it-tieni jum ta’ Mejju, li matulu ma ħarġitx xemx. Dan kien segwit minn jum ieħor partikolarment griż, li matulu ġew irreġistrati biss 0.2 sigħat ta’ xemx u l-buffura massima għax-xahar ta’ 35 knot li nefħet mil-Lbiċ kwarta Punent.
B’mod ġenerali, Mejju kien aktar mirjieħ milli mistenni, b’veloċità medja tar-riħ għax-xahar ta’ 9.4 knots meta mqabbla mal-medja klimatika bbażata fuq medda ta’ 30 sena ta’ 8.6 knots.
Tul ix-xahar tkejlu 5.4mm ta’ xita, bin-nida miġbura fi tlitt ijiem differenti tikkontribwixxi għal dan it-total. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Meteoroloġiku rrapporta żewġ maltempati bir-ragħad u s-sajjetti fid-19 u l-20 ta’ Mejju.
Filwaqt li ġie osservat ċpar oħxon fi tlitt ijiem separati, ċpar aktar ħafif ġie osservat f’diversi jiem tul ix-xahar ta’ Mejju