‘Jagħmlulu ħajtu diffiċli biex ikun kostrett ibigħ daru’
...Żviluppaturi u l-kunsilli lokali bi proposti biex l-iżvilupp ma jkun dettriment għal ħadd
minn Yendrick Cioffi
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava qal mal-gazzetta ILLUM li jaf b’każijiet fejn żviluppaturi qed jagħmlu l-ħajja ta’ sidien ta’ proprjetà diffiċli, bil-għan li dawn ikunu kostretti jbigħu darhom.
Fava semma każ partikolari fil-Gżira fejn żvilupattur ikkawża konsenturi f’ħajt ta’ proprjetà, li tinsab maġenb dik li qed jibni hu, biex ma jkun hemm l-ebda għażla oħra ħlief li dak il-ħajt ikollu jaqa’, is-sid ibigħ daru u l-iżviluppatur ikabbar il-proġett.
Huwa qal dan fid-dawl ta’ laqgħa li se tkun qed issir fis-7 ta’ Lulju li ġej u li se ġġib flimkien lill-iżviluppaturi, lill-kunsilli lokali u lil kull min hu responsabbli mill-infurzar, bil-għan li kulħadd jiġbed ħabel wieħed sabiex jonqos l-inkonvenjent li żvilupp x’aktarx se jġib miegħu, kemm fuq ir-residenti u anke fuq it-traffiku tal-madwar.
Mal-ILLUM, Fava semma diversi ilmenti li rċieva minn residenti u anke sindki dwar pressjoni li qed jagħmlu żviluppaturi bil-għan li sidien privati jbigħu l-proprjetà tagħhom.
Saħaq li mhux diffiċli għar-residenti, f’lokalitajiet fejn l-iżvilupp ma jieqaf qatt, li kull filgħodu, ġieli anke qabel idoqqu s-sebgħa, iqumu bil-ħoss tal-inġenji tal-kostruzzjoni. Ma ċaħadx li xi drabi, kuntratturi jagħmlu dan apposta biex residenti jiddejqu, ibigħu u jitilqu.
“Għandu jkun hemm ħarsien aħjar tad-drittijiet tal-persuna li ma tridx tbigħ u ħsarat simili għandhom jiġu evitati b’kull mod possibbli,” saħaq Fava.
Sistema ta’ punti għall-kuntratturi u l-bennejja
Dakinhar tal-laqgħa, l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Maltin (MDA) se tkun irrappreżentata minn Sandro Chetcuti u diġà ressqet proposti biex ikunu diskussi waqt din il-laqgħa.
Fost dawn, l-MDA qed tipproponi li l-kuntratturi, kif ukoll il-bennejja, ikollhom sistema ta’ klassifikazzjoni skont l-esperjenza tagħhom u minn din l-istess klassifikazzjoni tinħoloq sistema ta’ punti li jitnaqqsu jew jinbidlu skont il-livell ta’ responsabbilità li huma jimxu biha waqt ix-xogħlijiet tagħhom.
Mario Fava kompla jisħaq li wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ din il-laqgħa plenarja hija li ssir diskussjoni wiesgħa dwar kif l-infurzar jista’ jissaħħaħ.
Semma każijiet fejn kuntratturi jħallu inġenji kbar ipparkjati matul il-lejl minkejja li l-liġi tgħid li inġenji ta’ ċertu daqs ma jistgħux jitħallew fit-toroq meta x-xogħol ikun wieqaf.
Saħaq li jekk mhux se jkun hemm infurzar serju, kuntratturi se jibqgħu jħallu l-inġenji fit-toroq, b’detriment għar-residenti u s-sewwieqa, sempliċiment għax huwa aktar faċli milli joqogħdu ġejjin u serjin.
“Irridu naraw li jkun hemm aktar infurzar. Dan mhux biss... imma wkoll pieni ferm aktar ogħla għal min jabbuża,” saħaq Fava.
Kuntrattur jippreferi jħallas €23.00 milli jitlef ġurnata xogħol
Kien hawn li waqt li tkellem fuq l-importanza li kull min qed jagħlaq triq ikollu l-permessi meħtieġa mill-Kunsilli Lokali, saħaq li kuntratturi, bħal ngħidu aħna dawk bil-bajliet tal-konkos, jippreferu jħallsu multa ta’ €23.00 u jibqgħu jaħdmu, meta jkunu qed jagħlqu triq mingħajr permess.
“Il-multa hija insinifikanti, komparat ma jekk kuntrattur ikollu jżarma u jitlef ġurnata xogħol. Il-multa imposta għandha tkun waħda li sservi ta’ detterent u jekk trakk tal-konkos jiswa ammont ta’ flus, tal-inqas il-multa mogħtija f’każ ta’ abbuż trid tkun ftit aktar minn dan il-valur u mhux frazzjoni żgħira tiegħu,” kiteb l-istess Fava f’rapport ippubblikat qabel din il-laqgħa.
Tlabna l-parir tal-Avukat Ġenerali biex...
Mal-ILLUM, Mario Fava temm jisħaq li l-Assoċjazzjoni talbet ukoll il-parir tal-Avukat Ġenerali, bil-għan li jinħoloq Avviż Legali wieħed u l-istakeholders kollha jimxu miegħu.
Spjega li għall-kuntrarju ta’ dan, bħalissa, kull entità responsabbli mill-infurzar, jew il-ħruġ ta’ permessi, hija ggwidata minn Avviż Legali differenti u fi kliemu dan ma jgħinx biex jonqos l-inkonvenjent fit-toroq.
Semma l-eżempju ta’ persuna li tkun trid tagħlaq triq biex tħott kontejner. Fava qal li l-permess mogħti mill-għassa tal-pulizija biex tingħalaq it-triq, dejjem ikun jorbot lil min se jħott biex jimxi mal-kriterji li jkunu stabbiliti mill-permess maħruġ mill-kunsill lokali. Madanakollu “għax hekk ikun jaqbillu,” mhux kulħadd imur għand il-Kunsill Lokali.
Għalhekk jiġri li t-triq tingħalaq kollha jew parti minnha għax ikun hemm il-permess tal-Pulizija, iżda mbagħad ma jkun hemm la gwardjan lokali, la uffiċjal ta’ Transport Malta u l-ebda arranġament tat-traffiku, għax il-kunsill ma jkunx infurmat
Kien għalhekk li saħaq li jekk l-entitajiet jiġu kollha flimkien, tista’ tinstab soluzzjoni u tinħoloq sistema li ssaħħaħ u tissalvagwardja l-interessi ta’ kulħadd.
Intant, apparti l-MDA, fil-laqgħa li se ssir fis-7 ta’ Lulju li ġej se jieħdu sehem is-Sindki ta’ dawk il-lokalitajiet l-aktar milquta, fosthom San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u l-Gżira u anke rappreżentanza tal-Pulizija u Transport Malta, fost oħrajn.