Klieb il-baħar fl-ibħra Maltin; ‘Xejn ġdid’ jgħid Deidun
Wara li ntlemaħ Blue Shark fiż-Żurrieq, il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Alan Deidun dwar kemm huma komuni l-klieb il-baħar fl-ibħra Maltin

minn Yendrick Cioffi

“Is-sajjieda ta’ sikwit jiltaqgħu ma’ klieb il-baħar imma ma jkollhomx mowbajls fuqhom biex itellgħu r-ritratti fuq Facebook.” Dan kien kliem l-Ambjentalista Alan Deidun meta kien qed jitkellem mal-gazzetta ILLUM dwar il-kelb il-baħar li l-ġimgħa li għaddiet intlemaħ bejn iż-Żurrieq u Filfla.
Immaġina x’jibqa’ fik kieku bħal dan iż-żagħżugħ kont fuq jetski u jgħaddi minn ħdejk kelb il-baħar. Mhux ta’ b’xejn li l-filmat malajr ġera fuq Facebook b’diversi jikkummentaw, jesprimu l-biża’ u saħansitra l-iskantament għax kelb il-baħar intlemaħ Malta.
Imma fil-verità hija ħaġa tal-iskantament li kelb il-baħar jintlemaħ f’Malta? Assolutament le, anzi fi kliem Alan Deidun “ma għandux isir għaġeb.”
Deidun saħaq li l-ibħra Maltin ma għandhom xejn differenti minn ibħra oħra u bħalma jeżistu l-klieb il-baħar f’ibħra oħra, jeżistu wkoll f’Malta.
‘Sajjieda jiltaqgħu ta’ spiss ma’ klieb il-baħar’
Fi kliem Alan Deidun, minkejja li mhux komuni li kelb il-baħar jintlemaħ viċin il-kosta jew inkella max-xatt, huma ħafna dawk is-sajjieda li jiltaqgħu ma’ klieb il-baħar meta jkunu qed jistadu ftit ’il barra mill-kosta Maltija.
“Dawn ma jkollhomx kameras jew mowbajls magħhom biex jiffilmjaw kull kelb il-baħar li jilmħu,” saħaq Deidun.
Il-kelb il-baħar li ntlemaħ il-ġimgħa li għaddiet huwa tar-razza blue shark, bil-Malti: il-ħuta l-kaħla. Fi kliem l-Ambjentalista, il-fatt li dan il-kelb il-baħar għandu isem bil-Malti, huwa prova li s-sajjieda Maltin huma familjari miegħu.
Dan il-kelb il-baħar inzerta mhux perikoluż għall-bniedem, iżda kif wieħed jista’ jobsor il-biża’ ma naqsitx, anke meta Deidun ipprova jispjega dan fuq il-midja soċjali.
“Huma għandhom jibżgħu minnha mhux aħna,” saħaq Deidun. “Din hija razza ta’ klieb il-baħar li jdumu ħafna biex jirriproduċi.”
Kien hemm żmien meta saħanistra l-Forzi Armati ta’ Malta kienu jisparaw fuq ħut kbir li jilmħu u li jaħsbu li jkunu perikolużi. Il-gazzetta ILLUM iċċekkjat mal-Forzi Armati u tista’ tikkonferma li din il-prattika hija waħda tal-passat.
Illum, meta tintlemaħ ħuta kbira, tinħareġ stqarrija biex twissi lill-pubbliku, l-istess kif għamlet il-pulizija f’Settembru tal-2015 meta ħuta kbira ntlemħet ’il barra mill-Port il-Kbir.
Imma klieb il-baħar perikolużi jeżistu viċin Malta?
Fi kliem Deidun, il-biża’ “esaġerata” mill-klieb il-baħar hija frott ukoll films, bħalma kien ‘Jaws,’ li fi kliemu għamlu ħsara kbira fil-mod kif in-nies tħares lejn il-klieb il-baħar.
Tant hu hekk li meta wieħed jisma’ li ntlemaħ kelb il-baħar moħħu malajr jiġri għar-razza l-aktar magħrufa għax l-aktar perikoluża, jiġifieri dik tal-Great White. Imma dan jeżisti fil-Mediterran u fl-ibħra Maltin?
Iva, jeżisti, iżda Alan Deidun saħaq li tant kemm sar rari, li ftit li xejn jista’ jkun hemm indikazzjoni kemm għad fadal fil-Mediterran.
Fuq nota aktar pożittiva, l-Ambjentalista qal kif wara li ttella’ dan il-filmat kien sodisfatt bil-fatt li kienu diversi dawk li kkummentaw u mill-ewwel indikaw li din kienet ħuta kaħla u mhux perikoluża għall-bniedem.
Fi kliem Deidun dan ifisser li qed tikber l-edukazzjoni. Saħaq li aktar ma jkun hawn edukazzjoni, aktar se jiġu protetti dawn l-ispeċi li qed isiru dejjem aktar rari, anke għax ċertu speċi mhumiex protetti.
Madanakollu saħaq li għad fadal ħafna xi jsir biex tikber l-edukazzjoni, mhux biss fuq il-klieb il-baħar imma anke dwar ħut u speċi oħra tal-baħar.
“Ma hemmx għalfejn kull darba li nilmħu brama, kulħadd joħroġ jiġri mill-baħar,” saħaq Deidun waqt li spjega li mhux il-bram kollu jniggeż jew huwa perikoluż.
Kelb il-baħar jew ħuta kbira?
- Fl-1987: is-sajjied Alfredo Cutajar jaqbad Great White twil 7.13-il metru viċin Filfla
- Settembru tal-2015: il-Pulizija jilmħu ħuta kbira ’l barra mill-Port il-Kbir
- Marzu 2016: Blue Shark salvat minn fuq il-blat f’Pembroke
- Ġunju 2017: Tresher Shark jittella’ mejjet iċ-Ċirkewwa
- Awwissu tal-2017: persuni fuq dgħajsa jilmħu ‘ħuta kbira’ viċin Kemmuna


