Awwissu li għadda: Bejn sħana u maltempati
F'Awwissu għamlu ħames maltempati u t-temperatura kienet daqs in-norma...ma kellniex Awwissu daqshekk "kattiv"
More in Socjali
F'Awwissu għamlu ħames maltempati u t-temperatura kienet daqs in-norma...ma kellniex Awwissu daqshekk "kattiv"
Awwissu beda fuq nota sħuna bit-temperatura tal-arja tilħaq l-34.5˚C fit-tielet jum u kompla billi ġab miegħu taħlita ta’ xita u temp xemxi.
Tul ix-xahar, ix-xemx ħarġet għal ftit aktar minn 312-il siegħa, bl-aktar ġurnata mdawla ta’ Awwissu tesperjenza 12.7 sigħat ta’ xemx. Min-naħa l-oħra, is-seba’ jum ta’ Awwissu kien imdawwal biss b’0.3 sigħat ta’ xemx, u għalhekk kien l-aktar jum griż tax-xahar.
B’medja ta’ 2.2 oktas, il-kopertura tas-sħab għal Awwissu kienet ogħla minn dik mistennija ta’ 1.2 oktas. Dan jista’ jispjega parzjalment għaliex is-sigħat totali ta’ xemx li ġew irreġistrati f’Awwissu kienu anqas min-norma klimatika ta’ 335.3 siegħa ta’ xemx.
It-temperaturi tal-ajru għax-xahar ta’ Awwissu laħqu medja ta’ 27.2˚C, jiġifieri daqs in-norma klimatika għal dan iż-żmien tas-sena. It-temperatura massima medja għax-xahar, min-naħa l-oħra, kienet 0.7˚C anqas min-norma. Dan jista’ jiġi spjegat parzjalment milleffett ta’ tkessiħ li ġġib magħha x-xita.
Fil-fatt, it-temp ġeneralment tajjeb ta’ Awwissu kien interrott minn ħames maltempati bir-ragħad u s-sajjetti u sitt ijiem li pproduċew 53.8 mm ta’ xita. Dan it-total, għalkemm sostanzjali, kien ħafna anqas minn dak ta’ 155.5 mm ta’ xita mkejlin f’Awwissu tal-1964. Dan kien l-aktar Awwissu li fih niżlet xita skont ir-rekords meteoroloġiċi.
Taħlita ta’ xita, ragħad u riħ laqtet lill-gżejjer fl-14 ta’ Awwissu. F’din il-ġurnata ġiet irreġistrata l-akbar buffura ta’ riħ għax-xahar, li kienet qed tonfoħ b’veloċità ta’ 34 knot mill-Grieg it-Tramuntana. Madankollu, il-ġurnata ma esperjenzatx biss maltemp, minħabba li x-xemx ħarġet għal aktar minn seba’ sigħat.