Illum b’kollaborazzjoni mal-privat, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis ta 310 siġra lill-kunsilli lokali tal-Imdina, tal-Fgura, tal-Ħamrun, ta’ San Ġiljan, tal-Gudja, tal-Marsa, u ta’ Santa Luċija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet Parnis saħaq li f’pajjiżna hemm bżonn li tkompli titqajjem kuxjenza dwar l-importanza li għandhom is-siġar u għamel referenza wkoll għall-kampanja edukattiva li nieda s-sena li għaddiet bl-isem ‘Sejħet is-Siġar’.
Is-Segretarju Parlamentari Parnis qal li dawn l-inizjattivi jgħinu sabiex il-kunsilli lokali tagħna jkomplu jsebbħu l-lokalitajiet tagħhom u fl-istess ħin ikomplu jtjebu l-ambjent ta’ madwarna.
Silvio Parnis fakkar ukoll f’waħda mill-proposti li hemm fil-white paper tar-riforma fil-gvern lokali. Il-proposta tgħid li permezz ta’ kollaborazzjoni mal-ministeru responsabbli mill-ambjent, il-kunsilli lokali jingħataw pjanti u siġar endemiċi minn żmien għal żmien sabiex dawn ikunu jistgħu jitħawlu fil-lokalitajiet.
Huwa għalaq billi faħħar lil dawn il-kunsilli lokali għaliex kienu huma stess li talbu biex jingħataw numru ta’ siġar għal-lokalitajiet tagħhom u ħeġġeġ lill-kunsilli lokali kollha sabiex jagħmlu l-istess.