Ilbieraħ Fjaming spiċċa fil-mira ta' xi kaċċaturi waqt li ieħor sparixxa wara li qatgħa ta’ tlieta minnhom taret ’il barra mir-riserva tal-Għadira.
Ftit minuti wara rritornaw biss tnejn u wieħed minnhom kien jidher ċar li għandu ferita f’għonqu kkaġunata minn tiri ta’ senter.
"F’sena li se tibqa’ mfakkra bħala l-agħar waħda f’dawn l-aħħar sitt snin għal dak li għandu x’jaqsam mal-kaċċa illegali ta’ tajr protett, dan l-inċident huwa prova tar-realtà kerha li l-kaċċa illegali f’Malta u Għawdex hija rampanti," sostniet il-Birdlife.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana sostna li huwa ta’ qsim il-qalb li tkun taf li nies li qed jingħataw il-privileġġ li joħorġu fil-kampanja bis-snieter ikkargati sabiex jieħdu pjaċir huma qed juru nuqqas ta’ rispett lejn is-soċjetà.
"Aħna konxji li ħafna kaċċaturi jikkundannaw inċident bħal dan u anke l-kaċċa illegali mifruxa li għaddejja bħalissa, imma wasal iż-żmien li l-lobby tal-kaċċaturi jitnaddaf minn dawn in-nies darba għal dejjem. BirdLife Malta se tkompli taħdem mal-imsieħba kollha fosthom il-Pulizija, il-Gvern u l-kaċċaturi nfushom biex jintlaħaq dan il-għan, waqt li tappella lill-Gvern biex iwaqqaf Wildlife Crime Unit li tkun tista’ bis-serjetà tiffoka b’mod esklussiv fuq ir-reati kriminali marbutin mannatura."