F'Quddiesa ta' ringrazzjament għal 50 sena minn meta twaqqfet il-Caritas, l-Arċisqof staqsa jekk illum hux qed inkejlu kollox bil-flus. Jekk kollox, kull oġġett u kull persuna għandhiex prezz. Huwa jfakkar meta Ġesù mar fit-Tempju f'Ġerusalemm fejn bejjiegħa kienu qed jagħmlu n-negozju u staqsa jekk Ġesu jiġi llum, jagħmilx u jgħidx l-istess.
"Ejja nistaqsu lilna nfusna jekk is-suċċess hux qed inkejluh billi npoġġu prezz fuq kull oġġett u kull persuna."
Huwa rringrazzja lil Caritas Malta u sostna li min jgħaddi mill-esperjenza tal-Caritas jaf li qatt mhu sempliċiment numru bi prezz.
"Il-valuri tal-Caritas għandna nemmnuhom u mmexxuhom 'l quddiem...f'50 sena b'sens ta' umiltà l-Caritas adattat ruħha ma' faqar ġdid; mas-solitudni, ma' dawk li qed jgħixu l-użura, mad-diffikultà ta' min huwa separat. Fil-Caritas isibu spalla u risposta," jgħid Scicluna.
"M'għandna dritt nikkundannaw u niġġudikaw lil ħadd," sostna l-Arċisqof.
Huwa għamel ringrazzjament partikolari lil Dun Victor Grech li kien il-Fundatur ta' Caritas Malta u qal li s-soċjetà Maltija hija midjuna miegħu.