L-infermier Anthony Borg jirbaħ il-Premju Ħaddiema tas-Sena 2018

Anthony Borg huwa infermier li jmexxi sala fir-residenza San Vinċenz de Paul

Anthony Borg, infermier li jmexxi sala fir-residenza San Vinċenz de Paul, huwa r-rebbieħ ewlieni tal-Premju Ħaddiema tas-Sena 2018.

Ir-rebbieħa ntgħażlu minn bord indipendenti mmexxi mill-Avukat Anna Mallia, flimkien mal-Inġinier Helga Pizzuto u l-Professur Anthony Serracino Inglott. Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li n-nominati huma biss kampjun tal-eluf ta’ ħaddiema u employers ħawtiela li jħaddnu l-aqwa prattiċi u li huma l-mutur tal-ekonomija Maltija.

Hija fissret kif l-għan ta’ dawn il-premijiet huwa li nirrikonoxxu u napprezzaw il-ħaddiema fiċ-ċentru tal-ekonomija Maltija. Il-Ministru Dalli fakkret kif lil hinn mir-retorika politika, id-deċiżjonijiet tal-Gvern qed jagħmlu proprju dan.

Iż-żieda tat-tieni ġurnata leave, il-leave speċjali għal ġenituri prospettivi li jgħaddu mill-proċess tal-IVF, it-tisħiħ tal-paga minima, iċ-childcare mingħajr ħlas, l-in-work benefit, it-tapering tal-benefiċċji soċjali, l-għoti ta’ pensjoni sħiħa għal persuni b’diżabilità li jaħdmu, il-parità fil-pagi tal-impjegati tal-kuntratturi li jagħtu servizz lill-Gvern, u l-blacklisting ta’ kuntratturi li ma josservawx il-liġi tax-xogħol huma kollha xhieda tal-impenn tal-Gvern li jippremja l-bżulija u joħloq bilanċ bejn il-familja u x-xogħol.

“Għaliex bħala Gvern ridna nibgħatu messaġġ ċar li meta tinvesti fil-ħaddiema tiegħek tkun qed tinvesti fl-intrapriża li qed tmexxi. B’hekk inżidu l-produttività tal-pajjiż, u b’hekk ksibna s-suċċess bla preċedent biex illum għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.”

Il-Ministru temmet tgħid li b’din il-konvinzjoni u bl-għaqal fit-tmexxija, dan il-Gvern qed iħejji t-triq għal ġenerazzjonijiet futuri biex flok qgħad iħallilhom ix-xogħol, u flok dejn iħallilhom ġid li jasal għand kulħadd.

B’kollox kien hemm 36 nominazzjoni maqsuma f’sitt kategoriji li jippremjaw;

 

  • Il-Ħaddiem Mudell tas-Sena – Anthony Borg;
  • It-Team tas-Sena – Dar Niki Cassar (YMCA);
  • Il-Manager tas-Sena – Dominique Desira;
  • L-Employer tas-Sena – Joseph Galea;
  • L-iktar kumpanija li toffri Miżuri Favur il-Familja – Erremme Business Advisors;
  • L-iktar kumpanija li tippromwovi l-Ugwaljanza – Vodafone Malta Ltd.

More in Socjali