Din il-gazzetta tinsab infurmata li l-Federazzjoni Ewropea tal-Futbol, l-(UEFA), ma rċeviet l-ebda notifika mill-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Malta (MFA) dwar l-investigazzjoni attwali fil-konfront tal-eks FIFA referì Malti, li huwa wkoll UEFA observer, mixli b’allegat tixħim.
Ġimagħtejn ilu din il-gazzetta kienet żvelat kif, attwalment l-MFA qiegħda tinvestiga eks referì tal-FIFA fuq allegazzjonijiet ta’ tixħim. L-allegazzjonijiet imorru lura għall-finali tal-F.A Trophy ta’ sentejn ilu.
‘UEFA Observer’ huwa inkarigat bl-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ referis oħra waqt il-logħbiet tal-UEFA. Wara kull logħba, dan jassenja marki dwar il-prestazzjoni tar-referis filwaqt li joffri pariri fuq kif huma jistgħu jtejbu xogħolhom.
Apparti minn hekk sorsi fl-MFA li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif il-ġimgħa l-oħra, l-MFA ssospendiet lil dan ir-referì minħabba akkużi ta’ bullying fuq referis oħra.
‘L-osservaturi tal-UEFA jiġu nnominati u rtirati mill-assoċjazzjonijiet lokali’
Din il-ġimgħa l-ILLUM għamlet kuntatt mal-UEFA, kemm b'mod telefoniku kif ukoll billi bagħtet sett ta’ mistoqsijiet lill-istess federazzjoni.
Din il-gazzetta staqsiet jekk l-ewwel nett: l-UEFA kinitx infurmata bl-investigazzjoni attwali fil-konfront ta’ dan ir-referì u jekk kinitx se tieħdu passi dixxiplinarj hi stess.
Kelliem għall-UEFA għamilha ċara li, "l-UEFA ma kinitx infurmata bil-każ ta’ referì Malti involut f’allegat tixħim." Filwaqt li żied jgħid li "l-osservaturi fuq livell tal-UEFA jiġu nnominati għal din il-kariga kif ukoll jitneħħew mill-assoċjazzjoni lokali, f’dan il-każ l-MFA.”
Għalkemm ġimagħtejn ilu l-MFA kienet baqgħet siekta fuq l-allegat każ, waqt il-programm ‘Offside’ tat-Tnejn li għadda, Matthew Paris li hu wieħed mill-Viċi Presidenti tal-MFA sostna li, “dan il-każ attwalment jinsab sub-judice u għalhekk m’iniex se nikkummenta fuqu.”
Jekk dan l-eks referì jinstab ħati fuq dawn l-akkużi, hu jsir it-tieni referì Malti tal-FIFA li nstab ħati b’tixħim f’temp ta’ 10 snin. Hekk kif lura fl-2008, Joe Attard kien instab ħati li pprova jxaħħam ‘goalkeeper’ qabel logħba tal-UEFA League bejn Marsaxlokk u Slaven Belupo.
‘Darmanin Demajo żamm mar-referì investigat’
Din il-gazzetta tinsab infurmata li l-istess referì li allegatament qed jiġi investigat mill-MFA fuq tixħim, il-ġimgħa l-oħra kien sospiż fuq akkużi ta’ bullying fil-konfront tar-referìs oħra.
Intant, it-Tnejn li għadda, fl-intervent tiegħu waqt il-programm Offside fuq TVM2, l-Preident tal-MFRA, (Malta Football Referees Association), Alexei Tabone saħaq li, “kont jiena li rrapportajt dan il-każ waqt laqgħa tal-kumitat. Il-President tal-MFA, Norman Darmanin Demajo, żamm man-naħa tar-referì inkwistjoni, u tah l-fiduċja kollha filwaqt li waqqa’ l-argument tiegħi u tar-referì inkwistjoni,” saħaq Tabone.
X’kienet irrapportat l-ILLUM?
Ġimagħtejn ilu din il-gazzetta kienet żvelat kif, l-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta' Malta (MFA) reġgħet fetħet investigazzjoni fil-konfront ta’ eks referì tal-FIFA li sentejn ilu kien mixli b’akkużi ta’ tixħim.
Sorsi qrib sew l-operat tal-MFA, spjegaw mal-ILLUM li fid-dawl ta’ dettalji ġodda dwar ir-referì inkwistjoni, l-Uffiċjal għall-Integrità tal-MFA, Franz Tabone reġa’ fetaħ din l-investigazzjoni.
Din il-gazzetta bagħtet għadd ta’ mistoqsijiet lil Tabone li fihom staqsietu biex l-ewwel nett jikkonferma l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni inwkistjoni, kif ukoll dwar ir-raġunijiet li allegatament reġgħu wasslu għall-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni.
Minkejja d-domandi tal-ILLUM, Tabone baqa’ b’fommu sieket bir-risposta tiegħu tkun biss li, “l-uffiċċju tiegħu jopera f’ambjent sensittiv u għalhekk nagħmlu kollox bl-ogħla responsabbilità u kunfidenzjalità.”