Il-presepju Malti! X’sar minnu? Spiċċa fuq l-ixkaffa?
Il-gazzetta ILLUM iżżur il-wirja annwali tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju u titkellem ma’ Charles Bellia dwar it-tradizzjoni tal-presepju, partikolarment dak Malti
minn Yendrick Cioffi
Id-djar u t-toroq tagħna jinsabu fl-aqwa tagħhom imlibbsa bil-libsa tal-Milied. Is-siġra tal-Milied, Santa Klaws u anke jekk f’Malta ma jagħmilx silġ, ’l hemm u ’l hawn tara wkoll xi borrinu jittawwal minn xi gallarija. Dari, dan it-tiżjin ma kienx daqshekk popolari u fiċ-ċentru ta’ kull dar Maltija u Għawdxija, f’dan iż-żmien tal-Milied, kien isib postu l-presepju.
Il-gazzetta ILLUM żaret il-wirja li ta’ kull sena tiġi organizzata mill-Għaqda Ħbieb tal-Presepju li għal dawn l-aħħar 32 sena ħadmet bla heda biex il-presepju, partikolarment dak Malti, iżomm postu fiċ-ċentru tal-armar tal-Milied.
Charles Bellia, is-Segretarju tal-Għaqda, spjega kif minn meta twaqqfet fl-1986 sal-lum, l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju kellha għan wieħed, dak li l-presepju Malti jsib postu f’kull dar Maltija fi żmien il-Milied.
Morna ftit lura fiż-żmien u spjegalna li meta nħass il-bżonn li titwaqqaf din l-Għaqda, il-presepju beda jitlef xi ftit jew wisq mill-importanza tiegħu, tpoġġa fil-periferija u bdew jeħdulu postu s-siġra tal-Milied u anke armar ieħor bħal Santa Klaws.
Propju għalhekk twaqqfet din l-Għaqda f’Malta, wara li ftit xhur qabel kienet twaqqfet oħra f’Għawdex u b’wiċċu minn quddiem Bellia saħaq li llum il-ġurnata jħoss li l-presepju reġa’ sab post ċentrali fost l-armar tal-Milied.
“Nindunaw anke mill-ħwienet. F’Novembru jkunu ppakkjati bil-pasturi u aċċessorji tal-presepji. Jekk se tmur illum se tinduna li l-ammonti naqsu. Jidher ċar li l-interess qiegħed hemm,” saħaq Bellia. “Nieħdu gost ukoll li hawn ħwienet li jbigħu presepji lesti. Anke jekk il-kwalità mhux dejjem tkun għolja, imma almenu hemm l-istruttura u jidher li l-presepju huwa mfittex.”
Charles Bellia kompla jispjega li l-interess fil-presepju jinħass ukoll mill-wirja li tittella’ kull sena, għal dawn l-aħħar 30 sena u li tesebixxi presepji li jkunu nħadmu mill-membri ta’ din l-Għaqda. Din is-sena il-wirja qed tittella’ f’Palazzo Ferreria fejn hemm il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali, quddiem it-Teatru Rjal. Din tkun miftuħa kuljum, il-ġurnata kollha, sas-6 ta’ Jannar.
“In-nies qed jiġu u jiġu apposta jfittxu din il-wirja partikolari,” kompla Bellia.
Għal diversi snin, il-membri ta’ din l-Għaqda kienu jkunu mistiedna wkoll bħala ġurija f’diversi kompetizzjonijiet tal-presepji li jsiru madwar Malta u Għawdex. Anke jekk dawn naqsu, fl-iskejjel għadhom b’saħħithom ħafna u fi kliem Bellia dan huwa sinjal tajjeb ħafna.
“Din is-sena, għamilt l-ewwel ġimgħa u nofs ma rsaqtx lejn il-wirja tagħna għax konna mistiedna f’ħafna skejjel. Importanti li nrawmu lit-tfal tagħna,” kompla Bellia.
Imma t-tfal u ż-żgħażagħ għadhom jinterressaw ruħhom?
Hawnhekk il-kliem waqa’ fuq il-futur. It-tfal u ż-żgħażagħ qed jinteressaw ruħhom fil-presepju jew huwa delizzju għall-penzjonanti biss, li jkollhom ħafna ħin fuq idejhom?
Bellia spjega kif l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju għandha madwar 500 membru li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn l-10 snin u t-80 sena. Anke jekk mhux kollha jieħdu sehem b’mod attiv fl-attivitajiet li torganizza din l-Għaqda, dejjem ikun hemm madwar 50 persuna li jieħdu sehem fis-seminars jew inkella fil-korsijiet li jsiru matul is-sena.
Minkejja dan, Bellia jinnota kif fiż-żmien taż-żgħożija, meta fi kliemu jibda “żmien in-namrar,” l-interess fil-presepju jonqos ħafna.
Iżda, ikompli jispjega, li malli dawn iż-żgħażagħ jiżżewġu u jkollhom it-tfal, it-tendenza hi li jerġgħu jibdew juru interess fil-bini tal-presepju. “Ħafna jkunu jridu li t-tfal tagħhom jinteressaw ruħhom fil-presepju wkoll. Dan huwa sinjal sabiħ ukoll,” saħaq is-Segretarju tal-Għaqda.
X’inhuma l-karatteristiċi li jagħmlu l-presepju Malti?
Għaddejna biex nitkellmu dwar il-presepju Malti. Kemm għadu popolari? Qed jeħdulu postu presepji oħra barranin?
Bellia beda biex jispjega li ħafna, inkluż membri tal-Għaqda stess, ma jafux eżatt x’inhu l-presepju Malti. Hemm ħafna dettalji li wieħed ma jagħtix kashom iżda li huma importanti biex presepju jkun jista’ jissejjaħ purament Malti.
Charles Bellia beda jispjega wħud minn dawk il-karatteristiċi jew saħansitra regoli li min qed jaħdem presepju Malti għandu jżomm magħhom. Fost dawn, jekk fil-presepju se tkun inkluża mitħna, din għandha tkun b’sitt paletti, kwadrati u bit-tromba dritta u mhux qisha lembut, għax inkella tkun mitħna Olandiża.
Iżda ma waqafniex hawn għax jekk se tagħmel il-mitħna Maltija, ma jagħmilx sens li tagħmel id-djar bil-kopletta fuqhom, għax dik hija karatteristika tad-djar Palestinjani. Jekk imbagħad se tagħmel id-djar Palestinjani, ma tistax tagħmel il-mitħna, għax fil-Palestina ma hemmx imtieħen, iżda l-qamħ jitħnuh bil-bhima.
L-istess fejn jidħlu l-irziezet. Jekk qed tagħmel presepju Malti, ir-razzett ma għandekx tagħmlu b’ġebel tond, għax dak huwa stil Taljan. Ir-razzett Malti jrid jinbena b’ġebel rettangolari.
Imbagħad, kompla jispjegalna Bellia, hemm karatteristiċi oħra li huma tipiċi Maltin, fosthom il-girna tal-ġebel li ma ssibha fl-ebda presepju ieħor. Ovvjament hemm imbagħad il-pasturi tipiċi Maltin, li x’aktarx ikunu tat-tafal u jinkludu x-xabbatur, il-mara bl-għonnella, ix-xriek (żewġ għannejja), taż-żaqq (dak li jdoqq iż-żaqq) u oħrajn.
Il-presepju Malti jkun jinkludi wkoll snajja’ partikolari bħal ngħidu aħna l-furnar, minflok il-pizzar li ssibu fil-presepju Taljani.
Dawn kollha huma dettalji żgħar li forsi jaħarbu lil min ixammar il-kmiem biex jibni l-presepju tiegħu, iżda jibqgħu dawn il-karatteristiċi li jagħmlu l-presepju Malti dak li hu.
U minn fejn oriġina l-presepju Malti?
Iżda dan il-presepju Malti kif beda? Biex wieħed iwieġeb din il-mistoqsija jrid imur lura ħafna fis-snin, b’mod partikolari fi żmien il-Kavallieri.
L-ewwel presepji f’Malta kienu dawk Naplitani li kienu qed iġibuhom il-kavallieri u n-nobbli, għax il-presepju Naplitan, bil-pasturi tiegħu, minn dejjem kienu jiswew il-flus.
Dawn il-presepji ma tantx qabdu f’Malta, mhux biss għax ma tantx intgħoġbu imma għax in-nies ma kellhiex il-flus biex tixtrihom.
Kien ċertu Patri Benedetto Papale, minn Caltagirone, li ġab f’Malta l-presepju Sqalli, li l-karatteristiċi tiegħu kienu jixbhu ħafna l-kampanja Maltija.
“Minn hemm, ftit ftit beda jiżviluppa l-presepju Malti. Il-Maltin riedu l-presepju tagħhom. Aħna nixtiequ ħafna li nerġgħu nqajmu l-istil tal-presepju Malti,” kompla Charles Bellia.
Tant hu hekk, li din is-sena, l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju qed jaħsbu biex jistiednu persuna minn barra minn Malta biex tiġi u tagħti korsijiet dwar it-teknika fil-bini tal-presepju. L-Għaqda qed tieħu ħsieb li tgħaddi ritratti tal-presepju u l-bini Malti lil din l-istess persuna biex fil-lezzjoni tagħha tgħallem lil dawk preżenti mhux biss it-teknika tal-bini ta’ presepju, iżda t-teknika kif għandu jinbena l-presepju tipiku Malti.
‘Sfortuna li l-presepju Malti naqas’
Fil-fatt, tul l-intervista, ma’ Bellia tkellimna dwar il-ħasra li xi ħaġa li hija Maltija qed tingħata l-ġenb biex bħalma jiġri f’kollox, inkluż fil-lingwa u anke fl-ikel, jidħlu ideat u karatteristiċi barranin li ftit ftit jieħdu post dawk lokali.
“Is-suq tagħna huwa żgħir. Pasturi Maltin ftit li xejn għadek issib. Xi tlieta jew erbgħa min-nies għadhom jaħdmuhom,” kompla Bellia. “Għall-kuntrarju hawn varjetà kbira ta’ pasturi barranin. Il-pasturi Maltin aktar qed jixtruhom it-turisti biex iżommuhom tifkira.”
U jekk fi żmien il-Kavallieri, il-presepju Naplitan ma tantx kien niżel tajjeb mal-Maltin, illum qed jiġri bil-kontra. Minħabba d-dehra tiegħu, il-finezza tal-pasturi u r-rikkezza tal-ħwejjeġ tagħhom, il-presepju Naplitan qed isir dejjem iżjed popolari.
“Mhux qed ngħid li l-presepju Naplitan mhux sabiħ! Imma ejja ma nwarrbux il-presepju Malti.”
Ħajjarniek tibni presepju Malti?
L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju tiftaħ idha għal kulħadd. Kull min jitħajjar, jista’ jidħol fuq il-paġna www.presepjumalta.org, fejn wieħed isib tagħrif sempliċi iżda biżżejjed biex wieħed jibni l-presepju Malti.
Kif għamilna aċċenn tul din l-intervista, l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju ma tagħmilx biss wirja u l-bqija tas-sena tkun b’idejha fuq żaqqha.
Għall-kuntrarju torganizza diversi attivitajiet u anke korsijiet dwar it-teknika, anke jekk bħalissa qed tfittex post fejn tkun tista’ torganizza u tlaqqa’ lil dawk interressati.
Madanakollu, Charles Bellia insista li kull meta jkun hemm attività, l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju tirriklama u toħroġ avviżi fuq il-gazzetti u anke fuq is-sit.
“L-importanti li min ikun ġej, ikun lest li jxammar il-kmiem u jħammeġ idejh,” temm jgħidilna Bellia.