‘L-Għawdxin marru tajjeb għal-lampuki. Aħna x-Xlukkajri le’
L-ILLUM tmur Marsaxlokk biex tistaqsi lil diversi sajjieda fuq l-istaġun tal-lampuki li issa dalwaqt jiġi fi tmiemu
More in Socjali
L-ILLUM tmur Marsaxlokk biex tistaqsi lil diversi sajjieda fuq l-istaġun tal-lampuki li issa dalwaqt jiġi fi tmiemu
F’Diċembru li għadda tħabbar li l-Kummissjoni Ewropea (KE) laqgħet it-talba tal-Gvern Malti sabiex l-istaġun tal-lampuki jiġi estiż minħabba l-kundizzjonijiet meteoroloġiċi li affettwaw l-istaġun għas-sajjieda Maltin, fejn għal ħafna ġranet dan is-sajd ma setax isir.
B’hekk l-istaġun tal-lampuki se jiġi estiż sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Fid-dawl ta’ dan kollu, din il-gazzetta marret Marsaxlokk u tkellmet ma’ diversi sajjieda fuq l-istaġun tal-lampuki. Lil dawn is-sajjieda l-ILLUM staqsiethom għall-opinjoni tagħhom fuq l-estensjoni li ngħatat mill-KE, jekk kienx staġun ta’ suċċess għalihom u jekk il-lampuka għadhiex ħuta popolari mal-Maltin.
“Jekk skoprew fuq kollox, fuq il-lampuka għadhom ma skoprewx”
Wieħed mis-sajjieda li l-ILLUM tkellmet miegħu fir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk saħaq li, “is-sajjieda Xlukkajri ma tantx marru tajjeb dan l-istaġun. L-aħjar li marru kienu s-sajjieda Għawdxin, għaliex il-ħuta tibda l-vjaġġ minn hemm u tispiċċa hemmhekk stess.”
L-istess qal sajjied veteran li skontu, “minkejja li s-sajjieda Għawdxin marru tajjeb speċjalment bl-estensjoni tal-KE, dawk il-lampuki kbar li qabdu se jaffetwaw il-ħażna tas-sena d-dieħla għaliex dik kollha se tfisser anqas bajd u allura anqas lampuki,” saħaq is-sajjied.
Minkejja dan, mal-ILLUM huwa stqarr li, “il-lampuka m’għadhiex ħuta li ħafna minna għadhom joħorġu għaliha. Fl-istadju bikri tal-istaġun tajba għax iġġib il-flus, imma mbagħad ma trendix. Apparti l-fatt li, jekk l-istudjużi skoprew fuq kollox, fuq il-lampuka ma skoprewx,” għax skontu, din il-ħuta hija “miġnuna u fiha x-xogħol,” irrimarka dan is-sajjied bi tbissima fuq fommu.
Fost il-konverżazzjonijiet varji li din il-gazzetta kellha mas-sajjieda Xlukkajri, jidher biċ-ċar li ftit huma s-sajjieda li llum il-ġurnata qegħdin jiddedikaw il-maġġorparti tas-sajda tagħhom għal-lampuki.
Karm li flimkien ma’ ħuh ilhom għexieren ta’ snin joħroġu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum minn fuq il-baħar spjega din it-tendenza li tidher komuni fost dawn is-sajjieda, “trid ħafna xogħol u nies. Qabel konna noħorġu però llum jien u ħija qegħdin immorru għall-ħut ieħor speċjalment il-pixxispad.”
L-istess qalet, sidt restorant prominenti fl-istess lokalità; “ir-raġel tiegħi sajjied, m’għadux imur għalihom, naqsu ħafna u fiha x-xogħol.” Filwaqt li żiedet tgħid li, “l-estensjoni tal-istaġun għamlet ħafna ġid għas-sajjieda u n-negozju tar-restoranti.”
“F’dan ix-xogħol m’għandekx arloġġ”
Intant, sajjied ieħor li tkellem ma’ din il-gazzetta sostna li, “ix-xahar estensjoni li ngħatat mill-Gvern Malti kien pass tajjeb. F’dan ix-xogħol m’għandekx arloġġ. M’intix se tidħol tagħmel ‘punch in’ u ‘punch out’, ġieli konna sejrin tieġ u biddilt u mort fuq il-baħar.”
Mistoqsi jekk kienx staġun suċċess għal-lampuki, dan is-sajjied saħaq li skontu, “is-sajjieda ta’ San Pawl, il-Mellieħa u Għawdex marru tajjeb ħafna però dan ix-xahar kien ta’ suċċess ukoll għal ftit minna li għadhom joħroġu għal-lampuki. Fil-Milied kien hawn minn qabad ħafna, wieħed partikolari qabad mal-400 kaxxa,” qal dan is-sajjied.