Dalgħodu uffiċjali tal-infurzar mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għamlu azzjoni ta’ infurzar fuq żewġ bajjiet f’Għawdex f'dik ta’ Imġarr ix-Xini u fil-bajja tax-Xwejni. Dan hekk kif f’dawn il-bajjiet bdew jiġu mikrija numru ta’ 'deckchairs' bla permess maħruġ mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Fi stqarrija, l-MTA qalet li l-uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu żaru dawn iż-żewġ bajjiet u kkonfiskaw id-deckchairs u l-umbrelel li nstabu hemm mingħajr permess.
"L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mhux se tħalli dawn it-tip ta’ azzjonijiet illegali jittieħdu fuq bajjiet pubbliċi, fl-ebda bajja f’Malta u f’Għawdex," saħqet l-Awtorita’
Fil-kummenti tiegħu l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li, "s-settur tat-turiżmu huwa settur importanti ħafna għal pajjiżna u għalhekk huwa importanti li nżommu l-ordni u nkunu b’saħħitna fuq l-infurzar, partikolarment f’żoni turistiċi u fuq il-bajjiet pubbliċi tagħna."
Żied jgħid li, "l-infurzar tal-Ġimgħa huwa turija ċara ta’ kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mhux se taċċetta l-ebda azzjoni llegali li ttittieħed fil-gżejjer tagħna. Huwa għalhekk li fiż-żmien li ġej ser inkunu qegħdin inżidu l-isforzi tagħna fuq aspett ta’ infurzar sabiex naċċertaw ruħna li kulħadd jopera f’konformità sħiħa mal-liġi u mal-permessi mogħtija,” sostna l-Ministru għat-Turiżmu.
Huwa kkonkluda billi qal, “il-bajjiet pubbliċi għandhom ikunu aċċessibli għal kulħadd, inkluż it-turisti u l-Maltin u Għawdxin li jridu jagħmlu użu minnhom.”