Is-sit illum.com.mt jista’ jiżvela li bħala parti mill-ħidma tal-Ministru għat-Turiżmu ta’ riġenerazzjonijiet f’żoni turistiċi, il-bajja tal-Kalkara tinsab fiċ-ċentru ta’ studju kurrenti li qed jistħarreġ kull possibilità ta’ proġetti prospettivi fil-bajja.
Sorsi li tkellmu mal-Illum spjegaw li hemm diversi fatturi li wieħed irid iżomm f’moħħu qabel ma proġett bħal dan jingħata l-barka. “Qabel kull forma ta’ riġenerazzjoni trid tiġi studjata l-bajja b’mod rigoruż. B’mod speċjali għal impatt ambjentali u kif l-elementi jistgħu jaffetwaw il-proġett finali.
Lura għall-2013, il-Ministru Joe Mizzi li dak iż-żmien responsabbli għall-Ministeru għat-Trasport kien sostna li l-estensjoni tar-Rinella hi possibbli u li l-bajja tista' tirdoppja fid-daqs. Minkejja li fi snin li għaddew twettqu xogħlijiet kbar ta’ tisbiħ u rrenovar f’din il-bajja, l-estensjoni baqgħet fuq l-ixkaffa.
Apparti minn dan kollu, din is-sena l-Gvern wettaq proġetti simili f’diversi bajjiet madwar Malta, fosthom fil-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa, fil-Bajja tal-Fajtata f’Wied il-Għajn u fil-Bajja ta’ Għar l-Aħmar f’Marsaxlokk. F’din tal-aħħar, il-bajja spiċċat biex ittawlet b’aktar minn 15-il metru biex b’hekk it-tul tagħha issa jammonta għal aktar minn 100 metru, b’wisgħa ta’ madwar 50 metru.
Hu mifhum li madwar 2,000 metru kubu ta’ ramel tħammel miż-żona tal-Magħluq li kien installat b’mod differenti mill-oħrajn u wara li jgħaddi s-sajf se ssir installazzjoni ta’ berm (muntanji żgħar ta’ ramel), li se tkun qed tgħin biex iżżomm ir-ramel fil-bajja.