‘Il-każijiet tal-eroina baqgħu l-istess … tal-kokaina splodew’
Bejn sitta u tmien persuni kull ġimgħa jmorru jfittxu l-għajnuna minħabba l-vizzju relatat mal-kokaina, jiżvela mal-ILLUM id-Direttur Kliniku ta' Sedqa
minn Liam Carter
F’kummenti mal-ILLUM, it-Tabib George Grech, li hu d-Direttur Kliniku tal-Aġenzija Sedqa, żvela li f’dawn l-aħħar snin l-użu tad-droga kokaina tant sploda li kull ġimgħa l-klinika tas-Sedqa qed tara bejn sitt u tmien każijiet ġodda ta’ dipendenza fuq id-droga kokaina.
It-tabib li taħtu jaqa’ wkoll iċ-ċentru tad-Detox spjega s-sitwazzjoni preżenti u preokkupanti tal-użu tad-droga f’Malta. “Id-droga kokaina saret droga ta’ rikreazzjoni. Ħafna nies qed jagħmlu użu minnha għaliex ma jqisuhiex fl-istess skala tad-drogi oħra bħall-eroina.”
Skontu, “tul dawn l-aħħar tlieta, erba’ snin innotajna li kien hemm bidla fl-istatistika. Filwaqt li l-każijiet ġodda tal-eroina baqgħu kważi l-istess dawk tal-kokaina splodew,” sostna Grech.
Żied jgħid li għalkemm il-figura ta’ bejn sitt u tmien każijiet ġodda fil-ġimgħa hi waħda kbira, il-figura hi realistikament akbar. “Dawn huma l-każijiet li qed naraw aħna. Dawn huma n-nies li qed ifittxu l-għajnuna jew inkella għax ikollhom mandat tat-trattament mill-Qorti.”
Tant saret kbira din il-problema illi Grech spjega kif it-taqsima tiegħu kellha wkoll tgħaddi minn xi ristrutturar u taddatta għall-akbar problemi tal-lum. “Maż-żmien biddilna ftit l-operat, ma stajniex nibqgħu nikkonċentraw fuq id-droga eroina biss.”
Żied jgħid li, “il-kokaina m’għandhiex sostitut mediku bħalma hi l-methadone għall-eroina. F’dawn il-kliniki noffru tim ta’ professjonisti li jagħmlu assessjar u jaslu għall-konklużjoni dwar x’wassal lill-pazjent sabiex jirrikorri għad-droga.” Hu kompla jispjega li f’każijiet aktar severi, il-klinika toffri wkoll numru ta’ sezzjonijiet psikoloġiċi li jipprovaw jinżlu aktar fil-fond sabiex jiskopru l-problema tal-pazjent.
Il-problema tal-kokaina hi assoċjata mal-alkoħol.
Mistoqsi biex jitkellem dwar l-għeruq ta’ din l-istatistika pjuttost allarmanti, it-tabib qal li dan il-fenomenu huwa assoċjat mal-vizzju tax-xorb.
“L-ewwel jibdew jixorbu ammonti kbar ta’ alkoħol imbagħad jaqilbu fuq il-kokaina,” qal Grech.
Skontu, l-akbar problema f’Malta hi dik tal-binge drinking. Jiġifieri meta persuna tikkonsma ammont sostanzjali ta’ alkoħol f’qasir żmien.
“M’hemmx dubju li din hi l-akbar problema, mhux għax il-problemi tad-drogi l-oħra mhumiex, iżda l-alkoħol huwa soċjalment aċċettat. L-ammonti ta’ alkoħol li qed jiġi abbużat huwa inkwetanti u meta jiġi mħallat mal-kokaina u l-ħaxixa dan hu splussiv.”
Grech spjega wkoll li skont riċerka li saret m’ilux, 50% tal-utenti regolari tal-kokaina jaħdmu fl-industrija tad-divertiment li tinkludi fiha ristoranti u postijiet tad-divertiment. “Dan huwa fenomenu li għandu jiġi studjat. Jaf li l-istress tax-xogħol qed iwassal għal dan.”
X’jaħseb fuq l-użu rikreattiv tal-kannabis?
U x’jaħseb it-tabib fuq l-użu rekreattiv tad-droga kannabis? Għandha tiġi legalizzata? Mal-ILLUM huwa kien pront jiddikjara li, “għaddejja diskussjoni però aħna t-tobba diġà għidna li aħna kontra.
Kull min jaħdem f’dan il-qasam, ħadd ma jqisha bħala droga rikreattiva. Min hu favur l-użu rikreattiv jagħmel l-argument li din għandha tiġi bħall-alkoħol. Aħna r-risposta tagħna hi, ‘diġà għandna problemi kbar bl-alkoħol se nżidu oħra?’ Ma nistgħux inlaħħqu magħhom,” jirrimarka t-tabib.
U x’jaħseb li għandu jsir?
Fi tmiem din l-intervista, staqsejt lit-tabib sabiex jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar x’għandu jsir sabiex tonqos din id-dipendenza.
Mal-ILLUM huwa sostna li “m’hemmx dubju li l-awtoritajiet qed jagħmlu minn kollox sabiex il-poplu jiġi edukat iżda l-appell tiegħi hu li l-problema għandha tiġi kumbattuta fuq strati differenti, informazzjoni, edukazzjoni u infurzar u m’iniex qed ngħid liż-żgħażagħ biss, anke l-forzi tal-ordni.”
Finalment huwa qal li jixtieq jara aktar inizjattivi li joffru appoġġ lill-familji ta’ dawk li jkunu għaddejjin bil-problemi tal-vizzju tad-droga. “Aħna nikkonċentraw fuq dak li juża droga, li huwa sew, iżda l-familji tagħhom ukoll jgħaddu minn infern kbir. Fuq il-kuxjenza tiegħi nħoss li għandna ngħinu l-familji,” temm jgħid id-Direttur tal-Klinika.
X’effetti għandha l-kokaina?
L-użu tal-kokaina jgħin sabiex jisparixxu d-dubji kollha u tkabbar il-kunfidenza, l-istima personali u l-produttività tal-persuna.
Għalkemm ħafna jieħdu l-kokaina b’mod każwali, xi wħud isiru dipendenti u wara din l-esperjenza tinbidel f’waħda ta' nervi, irritazzjoni, dwejjaq, nuqqas ta' paċenzja u pessimiżmu li titneħħa b’doża oħra ta’ kokaina.
Wieħed mill-effetti tal-kokaina huwa t-twessigħ tal-ħabba tal-għajn u ħarsa ċassa. Din id-droga tgħolli l-pressjoni tad-demm u l-qalb tibda tħabbat tgħaġġel. Min jeħodha mill-imnifsejn jista’ jbati bi mnieħru miżdud jew iqattar, filwaqt dawk li joħduha regolarment issirilhom ħsara fil-ħajt tal-imnieħer. Min jieħu injezzjoni tal-kokaina bil-labra ta’ ħaddieħor jirriskja l-epatite u l-virus tal-AIDS.
Apparti minn dan, dawk li jsiru dipendenti mill-kokaina jonqsu fil-piż, iħossu ansjetà u jkollhom alluċinazzjonijiet. Faċli wkoll jaqgħu f’manija ta’ persekuzzjoni u peress li m’għandhomx kontroll fuq l-istint tagħhom iwettqu azzjonijiet vjolenti. Id-dipendenza tista’ twassal għal mard tal-moħħ, paranoja u ħsibijiet ta’ suwiċidju.
Fl-aħħar nett wieħed mill-perikli gravi huwa dak tat-trabi li jitwieldu minn ommijiet li jieħdu l-kokaina, hekk kif din tista' tipperikola l-ħajja tat-trabi b’attakki tal-qalb u ċirkolazzjoni ħażina. Dawk li jgħixu jesperjenzaw tipi differenti ta’ mard u ħsara severa fil-moħħ.