Mal-180 kwakk ilbieraħ niżlu fir-Riserva Naturali tas-Simar. Fi stqarrija l-Birdlife qalet din hi l-akbar flotta li qatt niżlet f'waħda mir-riservi naturali tagħha.
"Il-kwakk normalment jemigraw matul il-lejl. Dan jkompli jixhed l-importanza ġeografika tal-Gżejjer Maltin matul il-migrazzjoni u aktar minn hekk ir-rilevanza li jkollhom riservi naturali protetti bħal Simar."
Ir-riżervi naturali tal-Birdlife issa reġgħu fetħu għall-pubbliku wara l-waqfa tas-sajf. Ir-Riżerva Naturali tas-Simar hija miftuħa kull nhar ta' Tlieta u kull nhar ta’ Ġimgħa bejn is-2pm u s-7pm filwaqt li r-Riżerva Naturali tal-Għadira hija miftuħa nhar it-Tnejn u l-Ħamis 2 pm-7pm u nhar ta' Sibt 10 am-4pm.
Ta' minn jinnota li l-ħinijiet ta' viżta għar-Riżerva Naturali tas-Salini u Foresta 2000 baqgħu l-istess matul is-sajf: it-tnejn huma miftuħa s-sena kollha. Id-dħul għal dawn ir-riżervi huwa bla ħlas madankollu, id-donazzjonijiet jgħinu biex jappoġġjaw iż-żamma ta' dawn ir-riżervi naturali.