Il-Ministeru għall-Familja, id-Drittijiet tat-Tfal nu Solidarjetà Soċja jħabbar li l-pagamenti taċ-children’s allowance, flimkien ma’ dawk tal-għajnuna supplimentari, se jinħarġu mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għada s-Sibt 14 ta’ Settembru.
Kif sar fl-aħħar snin, dan se jsir qabel biex jgħinu lill-ġenituri fl-ispejjeż relatati mal-preparamenti għas-sena skolastika ġdida.
Nhar is-Sibt li ġej 38,964 familja se jirċievu dawn il-pagamenti qabel iż-żmien għal total ta’ 58,373 tifel u tifla.
In-nefqa totali ta’ dawn il-pagamenti tammonta għal kważi €9 miljun (€8,790,268). Dawn jinkludu kemm familji li jirċievu l-allowance means-tested u kemm dawk li jieħdu r-rata fissa minħabba li d-dħul taghħom huwa ogħla mil-limitu.
L-għajnuna supplimentari, biex tgħin lill-persuni bi dħul relativvament baxx, se tkun qed tingħata wkoll għada lil 22,882 benefiċjarju li se jgawdu minn dawn il-pagamenti qabel iż-żmien.
Dawn il-pagamenti jammontaw għal iktar minn €2 miljuni (€2,108,550.87).
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fakkar kif familji bi dħul baxx jew medju komplew jiġu mwieżna din is-sena b’żidiet fiċ-children’s allowance.
B’tibdil li sar fil-mekkaniżmu li jiddetermina r-rata taċ-children’s allowance, l-ogħla rata żdiedet b’ €96 għal kull wild, liema rata titħallas lil tfal f’familji bi dħul baxx inkluż dawk li jaħdmu bil-Paga Minima Nazzjonali.
Permezz ta’ dawn il-bidliet, familji bi dħul ogħla mill-paga minima nazzjonali iżda mhux ogħla minn dħul nett ta’ €18,400 ukoll gawdew minn żidiet diretti jew indiretti li jlaħħqu sa madwar €88 fis-sena għal kull wild skont id-dħul tal-familja