2,700 persuna b’diżabilità qed jaħdmu fuq bażi full-time
Anthony Agius Decelis jisħaq li għad fadal xi jsir bil-għan l-ebda persuna b’diżabilità ma tkun f’sitwazzjoni ta’ qgħad
More in Socjali
Anthony Agius Decelis jisħaq li għad fadal xi jsir bil-għan l-ebda persuna b’diżabilità ma tkun f’sitwazzjoni ta’ qgħad
Ftit aktar minn 2,700 persuna b’diżabilità qed jaħdmu f’impjieg fuq bażi full-time filwaqt li madwar 850 persuna oħra qed jaħdmu fuq bażi part-time.
Qal dan is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis waqt l-iffirmar tal-ftehim bejn Aġenzija Sapport u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) bil-għan l-ebda persuna b’diżabilità ma tkun f’sitwazzjoni ta’ qgħad.
Anthony Agius Decelis spjega kif ,inkejja l-avvanzi li saru u r-rispons pożittiv li hemm mill-intrapriża, xorta waħda hemm persuni li għandhom diżabilità li għadhom ifittxu impjieg.
Joseph Cini, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, enfasizza l-importanza ta’ dan il-ftehim għax, fi kliemu, se jwassal għal kollaborazzjoni aktar b’saħħitha ma’ kumpaniji u ma’ intrapriżi fis-settur privat.
Huwa saħaq li fil-preżent diġà bdiet ħidma bejn iż-żewġ entitajiet fejn membri tal-assoċjazzjoni se jirċievu taħriġ minn Aġenzija Sapport dwar kif jistgħu jimpjegaw u jintegraw persuni b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol permezz tal-proġett INK, programm ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u mmexxi minn Aġenzija Sapport.
Min-naħa tiegħu, Joseph Farrugia, Direttur Ġenerali tal-MEA, qal li din il-kollaborazzjoni hi waħda minn sensiela li l-MEA qed taħdem fuqhom biex ittejjeb il-parteċipazzjoni ta’ nies b’diżabilità fix-xogħol.
Hu qal li b’dan il-ftehim ma’ Aġenzija Sapport se jkun hemm sinerġiji aktar b’saħħithom bejn l-aġenzija, azjendi ta’ negozju u nies b’diżabilità.