Aġġornata | Delia b'mozzjoni sabiex jitwaqqaf kumitat permanenti dwar it-tibdil fil-klima

Waqt konferenza stampa l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq fil-Parlament mozzjoni sabiex titħabbar emerġenza tal-klima u jitwaqqaf Kumitat Permanenti Parlamentari li jiddiskuti t-tibdil fil-klima.

Waqt konferenza stampa l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq fil-Parlament mozzjoni sabiex titħabbar emerġenza tal-klima u jitwaqqaf Kumitat Permanenti Parlamentari li jiddiskuti t-tibdil fil-klima.

Delia qal li dan għandu jkun kompost b’żewġ membri minn naħa tal-Oppożizzjoni u tliet membri minn naħa tal-Gvern. Żied jispjega li dan il-kumitat għandu jkollu diversi setgħat u doveri fosthom li jipprepara lil Malta sabiex tkun kkonformi mal-miri ambjentali Ewropew u li jippublika rapporti tekniċi u xjentifiċi dwar din il-ġerħa ambjentali.

Delia qal ukoll li reġjun tal-Mediterran huwa it-tieni l-aktar reġjun fid-dinja li fih qed jogħlew it-temperaturi. Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar il-cruise liners u kif skontu dawn huma fost l-aktar responsabbli għat-tniggiż tal-arja.

“230,000 karozza jikkawżaw mat-tliet jew erba' tunnellati ta’ gas qattiel. 33 cruise liner jikkawżaw 500 tunellata ta’ gass qattiel.”

Huwa kompla jgħid dan kollu qed jaffettwa n-nefqa tal-pajjiż. “L-ażma biss biss tiswa ma’ żewġ miljuni fis-sena. Apparti li annwalment jintilfu 44,000 jum ta’ xogħol minħabba mard respiratorju."

Fl-aħħar nett Delia qal li l-qofol tal-mozzjoni hi stedina fl-interess nazzjonali u opportunità unika biex jinħolqu eluf ta’ impjiegi ġodda fl-ekonomija l-ħadra.

Dwar l-ambjent il-PN mhux kredibbli jisħaq il-PL

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li, "mill-ekonomija għall-ambjent il-Partit Nazzjonalista għandu problema kbira: il-kredibbiltà."

Qal li "d-Deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi ma tantx jista’ jitkellem dwar l-ambjent meta kien fil-Kabinett u parti mid-deċiżjoni tal-ikbar estensjoni fiż-żoni ta’ żvilupp fl-2006 u bidel anke l-liġi biex seta’ jintuża l-Heavy Fuel Oil fil-produzzjoni tal-elettriku."

Fl-aħħar nett il-PL rrimarka li, "jrid ikollok il-wiċċ  biex illum tilgħabha tal-paladin tal-ambjent meta kont parti mill-iktar deċiżjonijiet ambjentalment skandalużi."

 

More in Socjali