Teknoloġija 5G riesqa lejn Malta … Għaliex il-biża’? L-ILLUM tistħarreġ

It-teknoloġija 5G riesqa lejn xtutna, magħha ġġib dibattitu jaħraq uħud jgħidu li din hi ta’ periklu għas-saħħa pubblika u oħrajn jgħidu li huwa avvanz kbir fit-teknoloġija. L-ILLUM tanalizza l-argumenti pertinenti

 

It-teknoloġija 5G reġgħet kienet punt ta’ diskussjoni waqt l-avveniment annwali DELTA Summit, li ġimgħatejn ilu laqqa’ flimkien il-partijiet interessati fid-dinja tat-teknoloġija u l-innovazzjoni. Kuntrarju għat-teknoloġiji qabilha, din it-teknoloġija ħolqot dibattitu jaħraq b’min jgħid li din se tkun l-aktar teknoloġija ta’ internet b’kapaċità għolja u b’oħrajn li jgħidu li din it-teknoloġija se ġġib riskji kbar għas-saħħa pubblika.

Fid-dawl ta’ dan kollu, din il-gazzetta tat ħarsa lejn iż-żewġ faċċati tal-munita u evalwat il-preokupazzjonijiet u l-benefiċċji li jduru ma’ din it-teknoloġija.

X’inhu 5G?

5G mistennija tkun il-ħames ġenerazzjoni tat-teknoloġija tan-network ċellulari. L-esperti jemmnu li minħabba l-konnessjonijiet ġodda tal-internet, saħansitra mat-tagħmir tradizzjonali fid-djar bħal friġġ u washing machine u fl-istess waqt minħabba l-popolarità tas-servizzi tal-istreaming din it-teknoloġija se tkun strumentali sabiex kollox jaħdem ħarir.

X’benefiċċji se ġġib din it-teknoloġija?

L-esperti qed iwiegħdu li bil-5G utent se jkun jista’ jikseb veloċità ta’ network ta’ madwar 10 gigabits kull sekonda. Dan huwa 600 darba aktar mill-veloċità tat-teknoloġija kurrenti, jiġifieri dik tal-4G u 10 darbiet aktar mis-servizz ta’ internet standard tad-dar. Biex nagħtu eżempju, film fl-ogħla definizzjoni, eżempju b’dik ta’ 4K, jista’ jitniżżel f’perjodu ta’ 25 sekonda.

Jisħqu li l-5G huwa ta’ periklu għas-saħħa pubblika

Għalkemm m’hemm l-ebda evidenza xjentifika li turi biċ-ċar li t-teknoloġija 5G hi perikoluża għas-saħħa pubblika diversi nies għadhom imħassba. Dan għaliex studju li sar fis-sena 2000 kien ikkonkluda li s-sinjali tar-radju jistgħu jikkawżaw kanċer fil-moħħ tal-bniedem.

Madankollu, skont esperti oħra, dan l-istudju mhux ċar għaliex skonthom, huwa bbażat fuq nuqqas ta’ qbil dwar ix-xjenza marbuta mal-ġisem tal-bniedem. Huma jargumentaw li l-ġilda tal-bniedem hi kapaċi tipproteġi l-moħħ mis-sinjali radjoattivi.

Madanakollu reċenetament, f’appell lill-Unjoni Ewropea, 180 xjentist u tabib minn 36 pajjiż differenti appellaw sabiex l-UE tissospendi l-implimentazzjoni ta’ din it-teknoloġija fil-pajjiżi stati membri. “It-teknoloġija 5G se teskala b’mod eċċessiv li bniedem ikun espost għar-radjazzjoni elettromanjetika,” saħqu l-professjonisti.

Fl-istess waqt riċerkaturi fil-Programm Nazzjonali tat-Tossikoloġija fl-Istati Uniti li għamlu testijiet fuq 3,000 ġurdien sabu li l-espożizzjoni ta’ dawn is-sinjali jħallu effett bijoloġiku u f’ċertu każi effett karċinoġeniku.

U f’Malta x’qed jingħad?

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri, ħabbar li formalment talab lill-Ispeaker tal-Parlament biex il-5G tkun diskussa fil-Kumitat tas-Saħħa.

Is-Segretarju Parlamentari spjega kif permezz ta’ din id-diskussjoni, dawk kollha involuti se jkunu jistgħu jressqu l-ħsibijiet tagħhom quddiem dan il-Kumitat.

Ta’ min jinnota wkoll li aktar kmieni din is-sena, is-Supritendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Guaci kienet ġiet ikkwotata tgħid li fid-dawl tan-nuqqas ta’ studji u l-inċertezza tal-effetti ta’ din it-teknoloġija, il-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jiġi żgurat u b’hekk jingħata aktar ħin sabiex studji internazzjonali jsiru.

Din il-gazzetta tinsab informata li l-Gvern Malti, f’dawn l-aħħar snin jiffaċilita t-tqegħid ta’ network ta’ broadband ta’ veloċità kbira f’Malta u dan billi jkun assigurat ambjent kompetittiv u klima favorevoli li tinkoraġġixxi l-investiment u l-innovazzjoni b’network fiss u mobbli ta’ kapaċità għolja. 

Fl-istess waqt, bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru flimkien mal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni. Din hi parti mill-istrateġija tal-MCA sabiex jiġu aġġornati l-prijoritajiet spectrum iżda tinkludi wkoll it-tħassib pubbliku fuq l-electromagnetic fields mis-sorsi tal-komunikazzjoni.

More in Socjali