Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Biblijoteka Nazzjonali, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo ħabbar illi għas-sena d-dieħla l-Gvern se jalloka l-ewwel €1.8 miljun sabiex tibda l-ħidma fuq iċ-ċekkjatur bil-lingwa Maltija.
Bartolo sostna li bil-kliem ta’ Malta nkomplu nikbru flimkien importanti ħafna għall-identità tagħna u għall-futur ta’ pajjiżna li nsaħħu l-ilsien Malti. "Fiż-żminijiet tal-lum iddominati mit-teknoloġija diġitali importanti li nagħmlu dan bis-serjetà," saħaq il-Ministru.
Il-Ministru spjega li ċ-ċekkjatur huwa software biex jgħin lil wieħed jiċċekkja jekk il-Malti hux miktub tajjeb jew le. Huwa qal li, “hemm maġġoranza kbira tal-Maltin li jippreferu jiktbu bl-Ingliż għax jibżgħu li l-ortografija tagħhom bl-Ingliż hija aħjar minn dak tal-Malti. Dan qed iħalli effett ħażin ħafna għax it-tħaddim tal-Malti għandu jkun ħafna iżjed milli hu f’kull livell. Għaldaqstant, jekk aħna nieħdu ħsieb li ndaħħlu ċ-ċekkjatur biex inserrħu rasna li hemm xi ħadd qed jiċċekkja li l-Malti qed jinkiteb tajjeb, l-użu tal-Malti għandu jiżdied.”
Żied jgħid li huwa importanti li l-użu tal-Malti jiżdied f’din l-era diġitali għaliex il-Malti huwa wieħed minn erba’ lingwi li ġie kklassifikat fil-periklu li jinqered f’dak li jissejjaħ digital extinction u dan ma nistgħux nippermettuh minħabba li l-ilsien Malti huwa importanti għal identità tagħna li rridu naraw kif inkomplu nsaħħuħ.
Il-Ministru Bartolo ħabbar li fil-jiem li ġejjin se joħroġ dokument ta’ konsultazzjoni dwar x’se jkun jikkonsisti dan iċ-ċekkjatur li jrid iservi ta’ għodda lingwistika tajba u għodda diġitali tajba. Huwa żied li, “bi proċess miftuħ u kompetittiv naraw li nagħżlu l-aħjar teknoloġija li għandha sservi għall-aħjar proġett biex immexxu ‘l quddiem għall-ġid tat-tisħiħ tal-lingwa Maltija u għat-tisħiħ tal-identità Maltija.”
Waqt l-istess konferenza s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima semma' kif il-Baġit 2020 hu 'l-iktar budget b’saħħtu, li jippremja lil min jaħdem, li jħares lejn dawk li għandhom bżonn l-għajnuna u li fuq kollox hu sostenibbli.'
Is-segretarju parlamentari qal li Malta se tkun qed tipprepara bis-sħiħ għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’pajjiżna fl-2023. Għal dan il-għan, se jsiru t-tħejjijiet neċessarji sabiex jiġu mnedija faċilitajiet sportivi ġodda u jiġu mmodernizzati dawk eżistenti. Fost dawn hemm il-faċilità tat-tennis, volleyball, handball u numru ta’ proġetti oħra għal dixxiplini sportivi differenti.
Grima qal li barra minn hekk, se jitkompla x-xogħol fuq il-pixxina indoor ġewwa l-Kottonera li hi l-ewwel pixxina f’pajjiżna ta’ daqs Olimpiku li se tkun imsaqqfa u li se jkomplu t-tħejjijiet għaliha sabiex eventwalment issir it-tieni fażi tal-kumpless sportiv tal-Isparar f’Ta’ Kandja.
Is-Segretarju Parlamentari semma' li ġie magħluq il-proċess biex, b’investiment tas-settur privat ta’ €28 miljun, issir ir-riġenerazzjoni tat-trakka taż-żwiemel fil-Marsa li se tpoġġi lil pajjiżna fuq il-mappa internazzjonali ta’ dan l-isport.
Clifton Grima ħabbar ukoll li qed issir ħidma ma’ Special Olympics Malta sabiex fis-sena 2022 f’Malta, isir avveniment internazzjonali.
“Dan ikompli jikkonferma li aħna soċjetà inklussiva u kemm verament nemmnu li l-isport għandu rwol importanti fis-soċjetà tagħna,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.