Illum Malta qed issellem lill-Kardinal Prospero Grech

Illum huwa jum ta' luttu nazzjonali hekk kif il-Kardinal Prospero Grech se jingħata l-aħħar tislima

 

It-Tislima li ngħata l-Kardinal Grech ilbieraħ fil-Birgu
It-Tislima li ngħata l-Kardinal Grech ilbieraħ fil-Birgu

Illum Malta tinsab f'luttu nazzjonali hekk kif il-Kardinal Prospero Grech se jkun qed jingħata l-aħħar tislima.

Il-bnadar nazzjonali fuq dipartimenti u entitajiet tal-Gvern qed jittajjru mezz’asta.

Il-ġisem tal-Kardinal Grech wasal Malta lbieraħ u ttieħed il-Birgu fejn ingħata tislima xierqa fil-Knisja Kolleġġjata ta' San Lawrenz li fiha tgħammed.

Nhar il-Ħadd li għadda, il-Kardinal Grech kellu jmexxi quddiesa solenni fl-istess knisja u li permezz tagħha kienu se jinfetħu l-festi speċjali li l-Ġirbin qed jiċċelebraw biex ifakkru t-tieni ċentinarju minn meta l-Knisja ta' San Lawrenz saret kolleġġjata.

Dalgħodu, il-Kardinal Grech jinsab għall-qima tal-pubbliku fil-kappella tal-Kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat biex waranofsinhar se jsirlu funeral fil-Katidral ta' Malta u dan wara li sarlu funeral ieħor fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan u li l-aħħar parti tagħha mexxieha l-Papa Franġisku.

It-Tislima li ngħata l-Kardinal Grech ilbieraħ fil-Birgu
It-Tislima li ngħata l-Kardinal Grech ilbieraħ fil-Birgu

Fis-1:40pm, it-tebut se jittieħed il-Katidal Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina, u fis-2pm issir quddiesa praesente cadavere b’suffraġju għall-Kardinal, ippreseduta mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

Se jikkonċelebraw l-Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta; l-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex; l-Isqof Joseph Galea-Curmi, Isqof Awżiljarju għal Maltau l-Isqof Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa, il-Kenja. 

L-Ordni Agostinjan ser ikun rappreżentat mill-Vigarju Ġenerali, Patri Joseph Farrell, flimkien mal-Assistent Ġenerali Patri Edward Daleng. 

Il-Provinċja Agostinjana Maltija ser tkun rappreżentata mill-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u għadd ta’ reliġjużi oħra tal-Provinċja. Magħhom ser jikkonċelebra wkoll Patri Alexander Longs f’isem il-Komunità ta’ Santa Monika f’Ruma, fejn il-Kardinal għex għal aktar minn 60 sena. 

Il-kongregazzjoni ser tkun immexxija mill-President ta’ Malta Dr George Vella. Wara l-Quddiesa, id-difna tkompli f’forma privata. 

Iċ-ċelebrazjoni se tkun qed tixxandar live fuq TVM2

It-Tislima li ngħata l-Kardinal Grech ilbieraħ fil-Birgu
It-Tislima li ngħata l-Kardinal Grech ilbieraħ fil-Birgu

 

More in Socjali