'Kellha bżonn tmut Miriam ...?' L-aħħar tislima lil Miriam Pace fis-Santwarju li tant kienet tgħożż
Miriam Pace inqatlet f'inċident ta' kostruzzjoni nhar it-Tnejn hekk kif kienet ġo darha xħin din iġġarfet

minn Albert Gauci Cunningham
Illum ngħatat l-aħħar tislima lil Miriam Pace, vittma ta' inċident ta' kostruzzjoni nhar it-Tnejn li għadda li ħalla pajjiż ixxukkjat u rrabjat. Pace tħalli jibkuha lil uliedha u żewġha Carmel.
Il-funeral sar fis-Santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta, santwarju li tant kienet tgħożż Miriam u li fil-fatt kien imballat bin-nies li marru biex isellmulha għall-aħħar darba.
Il-funeral tqaddes mill-Arċisqof Charles J Scicluna u preżenti kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, ħbieb u qraba
Waqt l-omelija Scicluna qal illi għandna nitolbu biex Alla jagħti lil din il-mara dar li ma tiġġarraf qatt, li ma jeħodhiela ħadd. "Ġesu fuq is-Salib huwa vittma tal-inġustizzja tal-bnedmin. Hemm Ġesu jingħaqad mad-diffikultajiet u l-inġustizzji tagħna."
L-Arċisqof qal illi għalkemm bejna u bejn Miriam hemm il-velu tal-mewt, nemmnu li hi hija magħna. "L-Ewkaristija li qed niċċelebraw mhux għall-mejtin iżda tal-ħajjin. Quddiem Alla kulħadd jghix,"qal Scicluna filwaqt li Knisja mimlija semgħet b'attenzjoni.
"Aħna rridu nitolbu ġustizzja għal Miriam. Mhux vendetta imma ġustizzja." L-Arċisqof kompla l-omelija billi jsostni li hemm bżonn li l-nappoġġjaw lill-awtoritajiet ħalli jsiru t-tibdiliet.
"Qed nitolbu biss li meta nkunu f'darna nħossuna siguri. Mhux qed nitolbu ħafna affarijiet," qal Scicluna.
Huwa qal li l-awtoritajiet għandhom ikollhom ir-riżorsa kollha u l-istudji jkunu kompluti. "Kellha bżonn tmut Miriam biex din il-ħaġa tkun daqshekk tkun ċara?" syaqsa rettorikament l-Arċisqof.
"Ma nixtiquha lil ħadd: Li toħroġ minn darek, iddur u ssibha borġ ġebel."
'Miriam insellmulek, nirringrazzjawk u nitolbu għalik minn dan is-Santwarju li tant ħabbejt," temm l-omelija l-Arċisqof Chalres J Scicluna.


