Waqt intervista fuq ir-radju tal-Partit Laburista il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li Malta ppreparata għal kollox. "Hemm biżżejjed ħaddiema, fil-qasam tas-saħħa, ilna għaddejjin bi pjan ta' kontiġenza anke fiċ-Ċivil. L-ewwel pjan kien ta' 300 faċċata f'rapport ... issa qed inwettqu."
Huwa qal li r-riżultat ta' lockdown bħalissa jista' jkun negattiv. "Aħna diġa qegħdin f'lockdown parzjali, skont kif meħtieġ - għalaqna l-Qorti per eżempju. Sal-lum m'aħniex tal-parir li mmorru għal lockdown sħiħ, " qal il-PM li staqsa wkoll "għal kemm żmien? X'nagħmlu? Inżommu lin-nies priġunieri f'darhom għal xhur sħaħ?"
Huwa qal li s-soluzzjoni tal-lockdown għandha tkun l-aħħar għażla. "Faċli jgħid Delia li jrid lockdown. Lanqas biss qed jinduna li qegħdin f'lockdown parzjali u ma jafux is-suġġett. Lanqas jiena ma nafu, qegħdin inkellmu lill-esperti li qed jgħidu li aħna preparati għal kull eventwalità."
"Li rridu nimmiraw għalih huwa li ma jkollniex żieda f'daqqa. Jiġifieri jekk ikollna 100 każ minflok f'ġimgħa, jkunu fuq medda ta' żmien," spjega l-PM.
Huwa talab għar-razzjonalità u mhux eseġerazzjonijiet, billi jittieħdu l-prekawzjonijiet, anke fuq il-post tax-xogħol.
Abela qal li l-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet issa biex jevita' deċiżjonijiet iktar iebsa iktar tard. Hu fakkar illi l-Gvern impona miżura li tfisser €1,000 kull darba li ma tkunx id-dar u suppost qiegħed fi kwarantina.
Ilbieraħ fil-fatt tħabbar illi f'żewġ każijiet persuni li suppost qegħdin fi kwarantina ma kienux id-dar.
Il-Prim Ministru temm isostni illi rridu nifhmu li dan huwa mument li rridu inkunu solidali ma' xulxin u li aktar kemm nikkoperaw aktar se noħorġu mis-sitwazzjoni malajr.