F’sena biddilna erba’ postijiet ... għamilna xahar norqdu barra quddiem is-Serkin
Din hija l-istorja ta’ koppja anzjana li fl-aħħar sena kellhom ibiddlu l-post fejn joqogħdu erba’ darbiet, jew għax tkeċċew jew għax ma setgħux ilaħħqu mal-prezz tal-kera b’pensjoni waħda ta’ ftit aktar minn €1,000. Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ u titkellem magħhom
minn Yendrick Cioffi
Tkeċċew minn fejn kienu joqogħdu għax hekk riedet sidt il-kera. Spiċċaw bla saqaf fuq rashom. Sabu appartament kważi taħt l-art, bis-soqfa mmoffati. Kienu qed iħallsu kważi tliet kwarti tal-pensjoni kera u sal-aħħar tax-xahar riedu jlaħħqu bi €300. Ma rnexxilhomx. Fl-aħħar jiem kellhom jerġgħu jippakkjaw kollox, ir-raba’ darba f’sena. Din id-darba spiċċaw qasmu l-fliegu u fi żmien li suppost qed jistrieħu u jgawdu l-aħħar kapitlu ta’ ħajjithom, se jkollhom jibdew ħajja ġdida f’Għawdex.
Din hi l-istorja ta’ anzjan u anzjana, li għandhom 72 u 65 sena iżda bla dubju ta’ xejn hija l-istorja ta’ diversi koppji u familji oħra li mal-kera mhux qed ilaħħqu u leħinhom x’aktarx li jinħonoq minn diversi kontroversji u avvenimenti li jkun għaddej minnhom il-pajjiż.
L-ILLUM poġġiet bilqiegħda ma’ dawn l-anzjani biex tisma’ dak li għaddew minnu fl-aħħar sena, fosthom minn meta f’Awwissu tas-sena li għaddiet tkeċċew minn sidt ir-residenza li fiha kienu qed jgħixu.
Irrakkontaw magħna kif għal ħames xhur, is-sena li għaddiet, kienu sabu jikru u bdew jgħixu fis-sular ta’ fuq ta’ dar antika fir-Rabat. Kieku qed iħallsu ftit aktar minn €500 fix-xahar. Madanakollu ma kienu komdi xejn. L-anzjan irrakkonta magħna kif kienu jgħixu fil-biża’ għax f’din id-dar ma kien hemm privatezza ta’ xejn.
Sidt il-kera kienet iżżomm kamra f’nofs it-taraġ u mhux l-ewwel darba li marru u sabu lill-iben sidt il-kera fis-sular ‘tagħhom.’ Fi kliem l-anzjan, ġieli ħarġu, daħlu lura u sabu d-dwal mixgħul.
Fl-aħħar ġimgħat, sidt il-kera riedet li magħhom, fl-istess bini, jgħixu fil-kantina, iddaħħal ukoll koppja Filippina.
Ħallsu l-kera u tefgħethom ’il barra
Anke jekk ma kinux qed jgħixu komdi ma kellhomx għażla oħra, sakemm darba minnhom, sidt il-kera, talbithom jitilqu.
“Dejjem ħallasna l-kera. Anke dak ix-xahar. Imma ġiet u talbitna nitilqu fi żmien għaxart ijiem. Għamilna rapport iżda qalulna li ma setgħu jagħmlu xejn. Spiċċajna barra fit-triq,” irrakkonta l-anzjan.
B’pensjoni ta’ madwar €1,040 fix-xahar ma sabux malajr fejn imorru joqogħdu.
“Għamilna xahar bla saqaf fuq rasna. Konna norqdu barra. Taf fejn hu s-Serkin? Norqdu hemm fuq il-bankijiet,” qaltilna l-anzjana bid-dmugħ f’għajnejha u viżibilment muġugħa għax apparti dak kollu li għaddiet minnu fl-aħħar xhur, għandha wkoll kundizzjoni f’daharha.
‘Qalulna li akkomodazzjoni ma kienx hemm’
Iżda matul dan ix-xahar, l-anzjani ma stennewx il-bajtra taqa’ f’ħalqhom. Għamlu minn kollox biex isibu post. L-anzjan spjega kif marru Kastilja u tkellmu ma’ uffiċjali.
“Qalulna li akkomodazzjoni ma kienx hemm,” kompla jirrakkonta l-anzjan u kien hawn li għamlu kuntatt mal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca li intervjeniet għalihom mal-Awtorità tad-Djar.
Fil-fatt, il-gazzetta ILLUM rat l-ittra li kitbet il-President Emeritu lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, bil-għan li dan jidħol għal dawn l-anzjani biex “ikun evitat każ ieħor ta’ homelesness.”
Għamilna xahar bla saqaf fuq rasna. Konna norqdu barra. Taf fejn hu s-Serkin? Norqdu hemm fuq il-bankijiet
Sadanittant, permezz ta’ aġenzija tal-kiri, l-anzjani sabu appartament u l-Awtorità tad-Djar għenithom billi ħallsitilhom il-kera tal-ewwel xahar, jiġifieri €700 u anke d-depożitu, jiġifieri €1,400.
“Applikajna għas-sussidju tal-kera u qed nieħdu €84 fix-xahar. Minn dawn, kull xahar, jinqatgħu €25 biex inħallsu lura l-€1,400,” kompla jispjega l-anzjan.
Jitqanżħu biex sal-aħħar tax-xahar jgħaddu bi €300
Issa ilhom għal dawn l-aħħar xhur jgħixu f’dan l-appartament. Kull xahar, mill-pensjoni ta’ ftit aktar minn €1,000 fix-xahar, l-anzjani kienu qed iħallsu €700. Jifdlilhom ftit aktar minn €300. Minn dawn iridu jħallsu l-kontijiet u jridu jgħixu sal-aħħar tax-xahar. Ma tridx tkun xi matematiku biex tirrealizza li kienu qed jitqanżħu biex jifdlilhom xi ħaġa f’idejhom sal-aħħar tax-xahar.
Iżda l-affarijiet ma jiqfux hawn. L-anzjani rrakkontawlna kif sid il-kera kien qed jitlobhom il-flus għall-kont tad-dawl mingħajr ma jurihom il-kont tad-dawl u għalhekk mingħajr ma għandhom iċ-ċertezza li qed iħallsu kemm fil-verità kkonsmaw. Daħlu f’din il-kera qabel daħlet fis-seħħ ir-riforma tal-kera u għalhekk ftit kellhom protezzjoni (ara aktar ’l isfel).
“Għandu l-pannelli, iżda x-xahar li għadda ġie u talabna €80 biex iħallas il-kontijiet. Tlabtu biex nara l-kont iżda jgħidli li ma għandux,” kompla l-anzjan.
Ma kellhomx xi palazz...
Ara ma taħsbux li għax kienu qed iħallsu €700 fix-xahar dawn l-anzjani kellhom xi palazz. Għall-kuntrarju. L-appartament li fih kienu qed jgħixu dawn l-anzjani jinsab kważi taħt l-art. Fil-fatt, għalih, trid tinżel u mhux titla’ t-taraġ. Uħud mis-soqfa huma mimlija moffa u mhux ftit.
Fl-aħħar ġimgħat, biswit l-istess binja, kien għaddej xi xogħol ta’ kostruzzjoni. Għamlet ħalba xita u għal darba darbtejn l-ilma, bit-tajn u l-ħamrija miegħu, daħlilhom kollu ġewwa u laħaq tlett ikmamar.
“Meta nitkellmu dwar dak li ngħaddu minnu, jgħidulna biex nidħlu f’dar tal-anzjani. Għaliex għandna nidħlu f’dar tal-anzjani? Għaliex ma għandux ikollna ċans ngħixu f’dar, b’moħħna mistrieħ, bħal anzjani oħra?” temmet tisħaq u tistaqsi l-anzjana. “Aħna ma għandux ikollna ftit żvog ukoll? Imbilli mmur nirranġa xagħri darba f’xahar? X’fiha ħażin?”
Jerġgħu jippakkjaw u jaqsmu l-fliegu
Ma ttihomx tort li, anke jekk għalihom kienet battikata, dawn l-anzjani reġgħu ppakkjaw kollox biex għar-raba’ darba f’sena jipprovaw ikunu komdi f’appartament ieħor u jgħixu ħajja xi ftit jew wisq aktar komda.
Madanakollu, din id-darba, biex jagħmlu dan, kellhom jaqsmu l-fliegu u minn din il-ġimgħa se jipprovaw jibdew ħajja ġdida f’appartament li għalih se jkunu qed iħallsu ftit aktar minn €300 fix-xahar.
Din mhijiex l-ewwel esperjenza simili li l-gazzetta ILLUM ltaqgħet magħha u minn żmien għal żmien nisimgħu dwar każi bħal dawn. Infakkru biss li l-Alleanza Kontra l-Faqar kuljum tmiss b’idha każi bħal dan u għalhekk qed tappella, kif għamlet ma’ din l-istess gazzetta diversi drabi, għall-introduzzjoni tal-kunċett tal-Living Income minflok il-mekkaniżmu tal-COLA li sa issa jikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
Fi ftit kliem, il-Living Income, jistabbilixxi dħul minimu li kull persuna f’Malta tkun teħtieġ biex tgħix ħajja li hija diċenti.
Intant jekk għaddej minn esperjenza simili, jew taf lil min għaddej minn esperjenza simili, inħeġġuk tagħmel kuntatt magħna billi tibagħtilna email fuq [email protected].
Kif setgħu kienu protetti dawn l-anzjani bir-riforma tal-kera?
Anke jekk ir-riforma tal-kera li daħlet fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena ma tidħolx fil-kwistjoni tal-prezzijiet, it-tir tagħha kien li jsib bilanċ bejn l-obbligi u d-drittijiet tas-sidien u l-inkwilini.
Fil-fatt, kieku laħqet daħlet fis-seħħ din ir-riforma fl-Att dwar il-Kirjiet, is-sidt tal-proprjetà ma kien ikollha l-ebda dritt li tkeċċi lill-anzjani, għax ir-riforma daħlet fis-seħħ durata minima obbligatorja ta’ sena. Jekk is-sid ma jkunx irid iġedded il-kirja, huwa għandu javża lill-inkwili tliet xhur qabel jintemm il-kuntratt.
Ir-riforma titlob reġistrazzjoni obbligatorja ta’ kull kuntratt. Fost oħrajn, il-kuntratt irreġistrat se jkun prova tal-fatt li l-inkwilin jgħix fil-proprjetà.
Għalhekk, flimkien mal-kuntratt tal-kera se tkun qed tiġi ppreżentata formola H tal-ARMS li tindika kemm ikun hemm persuni jgħixu fil-fond u l-formola N li tawtorizza lill-inkwilin li jkun jaf kemm ikkonsma ilma u elettriku mingħajr ma jkollu l-ħtieġa li jeqleb il-kont tal-meter fuqu wara l-ħlas tad-depożitu.
Dan ifisser li fil-każ tal-anzjani, kien ikollhom dritt ikunu jafu kemm ikkonsmaw dawl u ilma anke jekk il-meter baqa’ jġib l-isem tas-sid li mingħandu kienu qed jikru fl-aħħar xhur.