Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, waqt l-aġġornament ta' kuljum dwar is-sitwazzjoni f'Malta dwar l-Covid-19, spjegat il-metodu li għandu jintuża biex wieħed jarmi l-maskri u l-ingwanti li jkunu użati.
Meta mistoqsija mill-ġurnalisti, Gauci spjegat kif jista' jkun hemm skart domestiku li jkun ikkontaminat bil-virus, aktar u aktar għax ħafna mill-pazjenti tal-Covid-19 qed jinżammu d-dar.
Barra mill-persuna, il-coronavirus jgħix madwar 24 siegħa. "Hemm ċertu evidenza li turi li l-virus jista' jdum aktar ukoll," spjegat Gauci.
Għalhekk, b'mod partikolari persuni li huma pożittivi, għandhom iżommu l-maskri u anke l-ingwanti minn tal-inqas għal tlett ijiem u mbagħad jarmuhom f'żewġ boroż, bil-għan li jonqos ir-riskju għal dawk li jiġbru l-iskart.
Fil-fatt Gauci saħqet li qed issir ukoll ħidma ma' dawk il-persuni li jiġbru l-iskart biex jingħataw u jilbsu wkoll ingwanti.
Tenniet li l-ingwanti mhumiex biżżejjed, għax jekk wieħed jilbes l-ingwanti u mbagħad imiss wiċċu xorta waħda jista' jieħu l-virus u għalhekk importanti li jittieħdu miżuri oħra, b'mod partikolari l-ħasil ta' spiss tal-idejn.